Budget pożittiv b'ċertu riservi - UĦM

Din hi reazzjoni inizjali tal-UĦM sakemm dan jiġi diskuss u analizzat fil-Kunsill Ġenerali tal-UĦM.

 

Budget pożittiv b’ċertu riservi - UĦM

Din hi reazzjoni inizjali tal-UĦM sakemm dan jiġi diskuss u analizzat fil-Kunsill Ġenerali tal- UĦM.

Introduzzjoni

Il-UĦM qed tkun kawta fir-reazzjoni tagħha għall-Budget 2016 għax tinnota li għalkemm ċertu proposti qed tpoġġihom aktar minn darba, xorta waħda ma kienx hemm impenn mill-Gvern biex mid-diskors tal-Budget isarrafhom b’mod tanġibbli. Din il-union tirreferi għall-proposta tal-Kooperattivi u ssostni li, minkejja din kienet fid-diskors tal-Budget 2015, ma mmaterjalizzatx. Bl-istess mod, minkejja li nstema’ it-twaqqif tal-Istitut tal-Active Labour Market Policy, id-diskors tal-Budget naqas milli jsemmi liema ammont ta’ fond se jiġi vvutat għall-ħolqien tiegħu.

Is-suldati

Filwaqt li l-UĦM tilqa’ it-tnaqqis mit-taxxa għal 15 fil-mija, fejn tidħol it-taxxa tal-extra duties tirrikonoxxi li dan jolqot b’mod pożittiv lil membri tal-Korp tal-Pulizija. Waqt li tikkontendi li dan hu pass pożittiv, jirriżulta li l-suldati fil-Forzi Armati, mhux biss mhux se jintlaqtu bit- tnaqqis tat-taxxa, imma lanqas biss se jitħallsu tal-extra hours tagħhom. Għaldaqstant, b’sens ta’ ġustizzja, il-UHM titlob biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata u s-suldat jitħallas kif inhu xieraq tal-ħidma tiegħu.

Kuntratti tax-Xogħol

Il-UĦM ilha ssostni li d-dinja tax-xogħol għandha tibqa’ tkun regolarizzata sabiex tara li kull ħaddiem Malti u Għawdxi jkollu kuntratt bil-miktub, li l-forom tal-kuntratt ikunu stabbiliti u disponibbli fuq portal tal-Gvern online fejn il-kundizzjonijiet minimi stabbiliti mil-liġi jkunu onorati b’mod awtomatiku. Din se twassal għal iżjed sinerġija fost il-kundizzjonijiet tal- ħaddiema sabiex jinqata’ l-abbuż għall-ġid tal-istess ħaddiema u l-familji tagħhom. Dan hu mod konkret kif il-UĦM qed tindirizza l-abbuż fost il-ħaddiema.

Iż-żieda fis-sisa fejn jidħlu l-prezzijiet tal-fjuwil

Iż-żieda fis-sisa hi forma ta’ taxxa indiriretta u bla dubju ta’ xejn se tolqot lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin b’mod indiskriminatorju u dan għandu effett negattiv fuq il-familji bi dħul l-iktar baxx. Għalhekk il-UĦM titlob li jingħata kumpens lil dawk il-familji bi dħul baxx biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fis-sisa. Fl-istess waqt il-UĦM titlob li jsir monitoraġġ tal-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u kif dawn se jiżviluppaw meta previst li dawn il-prezzijiet jibdew jirrankaw. L-effett ta’ dan u ta’ żviluppi oħrajn fuq l-inflazzjoni, li għas-sena d-dieħla se tkompli tiżdied jista’ jolqot il-kompetittivita’ f’pajjiżna. Il-Gvern għandu jassigura li jittieħdu miżuri effettivi sabiex jittaffa l-effett tal-inflazzjoni billi jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozji u l-familji kif ukoll tidħol ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu tal-COLA inkluż il-basket ta’ kif tiġi kkalklulata l-istess COLA.

L-Istitut tal-Active Labour Market Policy Il-UĦM tinnota b’sodisfazzjon li l-Gvern laqa’ uħud mill-proposti tal-UĦM, fosthom, l-Istitut tal- Active Labour Market Policy. Il-UĦM qed tittama li l-Gvern jalloka budget neċessarju sabiex inkunu nistgħu nwaqqfu l-istitut fuq prattika tajba li diġa’ teżisti f’pajjiżi fl-UE. Din il-union tħeġġeġ ukoll li l-imsieħba soċjali jkunu nvoluti fil-bord tat-tmexxija ta’ dan l-Istitut. Il-UĦM tħeġġeġ ukoll li waħda mill-prijoritajiet għandha tkun analiżi u inizjattivi effettivi sabiex ċittadini Maltin jikkompetu għal impjiegi ġodda ma’ ċittadini ta’ pajjiżi Ewropej. Dan għax nofs l-impjiegi ġodda qed jittieħdu mill-ħaddiema barranin kull sena.

Il-PPPs u l-Kooperattivi

Filwaqt li l-ispiża f’termini assoluti dwar is-salarji fis-settur pubbliku issa għoliet, il-UĦM trid tkun taf jekk din ġietx tradotta f’tisħiħ fil-kontabbilta’ tas-servizzi pubbliċi. Il-Gvern qed jinsisti dwar il-public private partnerships fil-kura tas-saħħa u f’oqsma oħrajn, li tradizzjonalment huma provduti mis-settur pubbliku. Il-UĦM temmen li t-tnedija tal-PPPs f’Malta ġiet influwenzata ħafna mill-ideoloġija neo-liberali mingħajr ebda kas għal arranġamenti alternattivi, bħall-koperattivi. Il-Kooperattivi joffru mudell flessibbli għal negozji ġodda. Dawn jistgħu jitwaqqfu mill-ħaddiema, mill-konsumaturi u min-negozji. Il-Kooperattivi diġa’ jaħdmu b’mod tajjeb f’pajjiżi barranin f’setturi bħalma hu l-qasam tas-saħħa. It-trade unions jista’ jkollhom irwol pro-attiv fit-twaqqif tagħhom. Hu meħtieġ li l-gvern isaħħaħ in-numru ta’ persuni li jistgħu jwaqqfu kooperattiva, minn ħamsa għal tlieta. Barra minn hekk, kull kooperattiva, irrespettivament mill-assoċjazzjoni tagħha, għandha tikseb il-finanzjar meħtieġ. Il-UĦM tinsab diżappuntata għan-nuqqas ta’ impenn mill-Gvern sabiex jaġevola lill- Kooperattivi. Meta wieħed jagħsar id-diskors tal-Budget marbut mal-Koperattivi ma jsibx s- sugu iżda ħafna kliem fl-arja.

Is-servizz pubbliku

Din il-union għandha tkun infurmata sew u kkonsultata tabilħaqq dwar dan il-process li ma taf xejn fuqu. “Il-problema taċ-ċivil ma għandhiex tintrabat mal-ħin jew mal-ħaddiema... norbotha mal-leadership u l-indħil politiku,”sostna Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM.

Immigration works office

Filwaqt li trid tkun kkonsultata dwar din l-idea, il-UĦM mhux se taċċetta li tonqos mid-dinjita’ tal-persuna. Din il-union trid tara li d-dinjitaa’ tal-ħaddiema għandha tibqa’ u jekk irridu nibqgħu suq kompetittiv irridu nitrattaw lil kulħadd bl-istess mod. M’għandux isir sfruttament tal-ħaddiema, imma wieħed irid iħares lejn il-ħila u l-kapaċita’ tal-persuna.

Pensjoni

Il-UĦM tirrikonoxxi li pensjonanti li jinsabu fil-faxxa tal-faqar se jkollhom żidiet li jistgħu jaqilgħuhom minn hemmhekk. Il-UĦM se tkun qed tagħti r-reazzjoni formali dwar il- pensjonanti permezz tat-Taqsima tal-Pensjonanti fil-Kunsill Ġenerali tal-UĦM fil-jiem li ġejjin.

Il-Pensjoni tat-Tieni Pilastru

Il-UĦM tinnota li l-Gvern naqas milli jvara diskussjoni u analiżi dwar il-possibbilta’ li tiġi l- Pensjoni tat-Tieni Pilastru. Malta għadha sal-lum l-unika pajjiż fl-Ewropa li ma ntroduċietx din is-sistema. F’attivita’ organizzata għall-ġurnalisti dwar il-Budget 2016, Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal: “Jekk ma nitkellmux fuq il-Pensjoni tat-Tieni Pilastru, illum li l- ekonomija ta’ pajjiżna hi waħda b’saħħitha, meta se niddiskutu din is-sistema?...Ara kemm niftaħru li nħobbu lil uliedna!....allura għandna nisħqu biex din is-sistema tkun addottata llum qabel għada sabiex inħallu wirt li jixraq lil uliedna.”

 

 

 

 

More in Politika