‘Gvern li jroxx ftit bżar fl-għajnejn, u ma jagħmilx differenza għal min għandu bżonn’

Jiddefendi lil Claudio Grech għal-laqgħa li kellu ma’ George Farrugia

Ritratt: Ray Attard
Ritratt: Ray Attard

L-Oppożizzjoni tgħid li hi ddiżappuntata b’dan il-baġit hekk kif sostnew li komplew, “jiffangaw il-ftit tal-qalba.”

Simon Busuttil qal dan fir-reazzjoni tiegħu wara l-baġit, lieam reazzjoni ingħatat l-isem ta’ ‘Ftit għalik, ħafna għalihom.’

Waqt din l-istess reazzjoni, Simon Busuttil iddefenda l-laqgħa li kellu d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech ma’ George Farrugia. Dwar dan, Busuttil qal li hija xi ħaġa normali li persuna tinsa laqgħa li kellha 9 snin ilu, “fuq kwistjonijiet li ma kellhom xejn x’jaqsmu max-xiri taż-żejt.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna kif dan il-baġit kien diżappuntati għaliex ma jindirizzax dawk il-kwistjonijiet li tassew jolqtu lin-nies fil-ħajja tagħhom. Busuttil qal ukoll kif l-Oppożizzjoni kienet qed tistenna ferm iktar minn dan il-baġit, l-iktar meta jiġu kkunsidrati l-fatti li internazzjonalment, m’hemm l-ebda’maltemp ekonomiku.’

Fost diversi oqsma fejn wera d-diżappunt tiegħu fir-rigward ta’ miżuri tal-Gvern, Busuttil tkellem dwar it-traffiku u prezzijiet taż-żejt li ma jirriflettux il-prezzijiet internazzjonali minkejja “t-tnaqqis minimu li kuntrarjament għat-taxxi li se jiġu implimentati immedjatament, se jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla.”

Dwar il-pensjonijiet u t-traħħis fl-income tax, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan mhu se jagħmel xejn biex dawn in-nies jinqalgħu mir-riskju tal-faqar, fej jerġa’ jsaqsi jekk “dan hu tqassim ġust?”

Busuttil, finalment innota wkoll li f’dan il-baġit, il-Gvern naqas milli jindirizza niċeċ u setturi ġodda, waqt li l-ħwienet u n-negozji ż-żgħar, ma rawx finanzjament f’dan il-baġit.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid kif l-Oppożizzjoni hi ddiżappuntata għaliex dak li deher fid-diskors tal-baġit ma jirriflettix dak li talab il-PN fid-dokument tal-baġit, u bosta korpi kostitwiti, fejn il-gvern wera li qiegħed “Iroxx ftit bżar fl-għajnejn u ftit li xejn se jagħmel differenza għal min verament għandu bżonn.”

More in Politika