Għal darb’oħra l-Gvern se jerġa jnaqqas it-taxxa tad-dħul bil-konsegwenza li dawk bl-anqas qliegħ se jkunu qed igawdu l-aktar. Fil-fatt il-Gvern għadu kemm ħabbar illi persuna b’dikjarazzjoni singola sa €9,100, koppja li jiddikjaraw taxxa konġunta li jaqilgħu sa €12,700 u persuna bid-dikjarazzjoni ta’ ġenitur li taqla’ sa €10,500 mhux se jibqgħu jħallsu taxxa.
Apparti dan, xejn inqas minn 160,000 persuna se jkunu qed igawdu minn tnaqqis ta’ bejn €90 u €210 fis-sena.
Persuna single li taqla €19,500 se tiffranka €90, persuna b’dikjarazzjoni singola ta’ ġenitur, €105, persuni b’dikjarazzjoni konġunta, €120, koppja miżżewġa b’komputazzjoni singola, €180 u koppja miżżewġa li jaqilgħu €21,000, se jiffrankaw €210.
Dawk li sal-lum ma ħallsux taxxa se jibqgħu ma jħallsux.