Franco Debono ma jeskludix li joħroġ mal-Labour ....jeskludi li joħroġ mal-PN

Dwar il-PN iżda Debono kien kategoriku u sostna li filwaqt li m’għadux irrabjat għal dak li ġara fl-aħħar leġiżlatura, xorta eskluda li qatt jerġa’ jkun parti mill-PN.

Fid-dawl ta’ kummenti li ħalla fuq il-midja soċjali dwar proġetti li qed isiru minn dan il-Gvern f’Birżebbuġa, lokalità fid-distrett li kien joħroġ fuqu, ILLUM staqsa lill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono jekk hux qed juri interess li jerġa’ joħroġ għall-politika. Filwaqt li ta indikazzjoni ċara li hu se jkun qed jerġa’ jidħol fix-xena politika lokali, m’eskludiex li joħroġ bħala kandidat mal-Partit Laburista.

Dan filwaqt li għal mistoqsija oħra ta’ din il-gazzetta, l-istess Debono eskluda li qatt jerġa’ jkun kandidat mal-Partit Nazzjonalista. “Nirrispetta lill-PN, imma m’għandi ebda intenzjoni li nerġa’ nkun kandidat miegħu”.

F’kuntatt mal-ILLUM, Debono stqarr kif f’dawn is-sentejn kienu bosta dawk li stiednuh biex jew jerġa’ jkun parti mill-PN jew inkella jingħaqad mal-PL. ILLUM staqsiet lil Debono xi tkun ir-risposta tiegħu kieku l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat kellu jistaqsih biex joħroġ għall-elezzjoni f’isem il-PL. “Jien għandi 41 sena u ma neskludi xejn. Bħalissa imma qed niffoka fuq l-irwol tiegħi bħala Kummissarju tal-Liġijiet u Kap tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali.” 

More in Politika