'Tista’ tagħti aktar kuraġġ lix-xellugin biex jesprimu d-dissens tagħhom'

Charles Miceli u Toni Abela dwar ir-rebħa ta' Corbyn nhar is-Sibt li għadda

Jeremy Corbyn
Jeremy Corbyn

Ilbieraħ f’Londra ftit qabel is-1:00 p.m. kien imħabbar li l-Laburisti minn madwar ir-Renju Unit kien għażlu b’mod qawwi u definittiv lill-aktar kandidat xellugi, Jeremy Corbyn, biex imexxi l-partit sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan minkejja l-biżgħat li prova jxerred l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Tony Blair u dawk li għadhom jappoġġjaw l-ideoloġiji tiegħu. Charles Miceli, attivist fl-Alleanza Kontra l-Faqar u opinjonista fermament xellugi qal mal-ILLUM li r-rebħa ta’ Corbyn tista tagħti aktar kuraġġ lix-xellugin, anke f’Malta stess, biex jesprimu d-dissens tagħhom kontra l-ideoloġija politika ta’ “is-suq isuq”. 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela kien iktar kawt u filwaqt li ppunta subgħajh lejn il-politika neo-liberali fir-Renju Unit bħala raġuni waħda għalfejn il-Labour resaq aktar lejn ix-xellug qal li dwar Corbyn “nistennew u naraw”.

Rebħa kolossali ta’ 60% 

Jeremy Corbyn rebaħ l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Labour b’59.5%, rebħa massiċċa li ħalliet lill-kandidati l-oħrajn lura sew. Fil-fatt l-aktar kandidat qrib Corbyn kien Andy Burnham b’19% ta’ dawk il-Laburisti li vvutaw. 

 Corbyn huwa minn Islington North u ilu Membru Parlamentari mill-1983. Huwa magħruf bħala Membru Parlamentari ribell, fil-fatt kien ħadha kontra l-Partit Laburista iktar minn 500 darba. Huwa vvota favur il-legalizzazzjoni ta’ drittijiet għal persuni omosesswali filwaqt li kkampanja favur il-projbizzjoni tal-kaċċa u t-tipjip. Ivvota kontra s-sehem militari tar-Renju Unit f’operazzjonijiet barra mill-pajjiż, favur aktar benefiċċji u kontra ħlasijiet għas-servizzi soċjali. 

Corbyn huwa tal-fehma li r-Renju Unit jista’ jsostni s-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni billi jitnaqqsu s-sussidji lin-negozji, tiżdied it-taxxa fuq il-profitti tal-kumpaniji kif ukoll li s-sinjuri jħallsu l-aktar taxxa bħala proporzjon.

L-effett tat-‘trickle down’ ma taħdimx

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet minn dan il-ġurnal dwar l-effett li r-rebħa ta’ Corbyn jista’ jkollha, saħansitra fuq il-Partit Laburista hawn Malta, Miceli spjega kif aktar kemm ix-xellug jikber madwar l-Ewropa “aktar ix-xellugin u bosta Laburisti se jkunu jridu jisimgħu lingwaġġ li jaċċerta li ż-żgħir ikun mwieżen. Nieħdu l-eżempju lokali mit-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji mill-Gvern. Miżura tajba u jalla n-negozji jgawdu. Imma l-ħaddiem gawda minn pagi aħjar? Il-klijent qed igawdi minn servizz irħas? Le hux? Għax l-idea neo-liberali tat-‘trickle down effect’ ma taħdimx”.

In-neo-liberaliżmu ssemma wkoll minn Toni Abela li sostna kif huwa jaħseb “li l-element romantiku ta’ Corbyn fid-dawl tal-fatt li l-politika Ingliża ilha għal perjodu twil għaddejja minn żmien neo-liberali kellha effett mhux biss fuq dawk li huma veterani, iżda anke fost l-element żagħżugħ. Irridu niftakru li ż-żgħażagħ kienu fost il-vittmi tal-ekonomija kif ħadmet s’issa.” 

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala mexxej, Corbyn għamilha ċara li hu se jkun qed jopponi t-tentattivi tal-Gvern lemini, konservattiv ta’ Cameron f’dawk li hu sejħilhom, attentati biex jostakola lit-trade unions u s-servizzi soċjali . 

“Aħna rridu ngħixu f’soċjetà fejn ma ngħaddux min-naħa l-oħra meta naraw persuni li ġew irriġettati mis-sistema”, sostna Corbyn li saħaq li s-sistema tas-saħħa u l-edukazzjoni komprensiva huma “drittijiet umani”. 

“Ma naħsibx li se jkun radikali”

Mal-ILLUM Abela sostna li hu ma jemminx li Corbyn se jkun radikali jew li se jersaq lejn partiti radikali li twieldu l-Ewropa. “Ma neskludix li din kienet strateġija biex jirbaħ l-appoġġ tar-radikali fil-partit b’mod partikolari tal-unions li għandhom saħħa kbira fl-għażla tal-mexxej tal-Labour fl-Ingilterra”. 

“Inraħħsu l-kirjiet”....imma kif?

Fl-ewwel diskors tiegħu Corbyn qal li “Londra għandha bżonn Sindku Laburista” u stqarr kif dan jeħtieġ jiġri biex, fost oħrajn, tonqos il-kera għolja ħafna tal-proprjetà f’Londra. 

L-ewwel tiri tal-Partit konservattiv
L-ewwel tiri tal-Partit konservattiv

L-ILLUM saqsa lil Miceli kif proposta bħal dan tista’ taħdem, bir-risposta tkun li aktar mill-‘kif’ huwa l-‘għaliex’ li wieħed għandu jikkunsidra. “Jiġu nies fuqi u jgħiduli li b’inqas minn €350 fix-xahar ma jistgħux jikru post fejn jgħixu u dawn ikunu fuq paga minima. X’suppost jagħmlu allura dawn? X’suppost nagħmlu aħna? Sempliċiment ngħidulhom nafu li m’għandkhomx biex tgħixu imma s-suq isuq?”

L-UE se jkollha aktar sfidi

Miceli sostna li din ir-rebħa li tista’ twassal għal rebħa Laburista fl-elezzjoni li jmiss, se toffri aktar sfidi lill-Unjoni Ewropea u l-forzi tal-Lemin. 

Min-naħa tiegħu, iżda Abela kien iktar kawt u qal ukoll li l-possibilità li l-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tar-Renju Unit fl-2020 jiddependi minn diversi fatturi, fosthom l-ekonomija. “Il-politika li se jadotta Corbyn, mhux neċessarjament se tibqa’ daqstant radikali daqs kemm kienet s’issa” temm jgħid Abela. 

More in Politika