138 infermiera u qwiebel ġodda fl-Isptarijiet pubbliċi

...58 minn dawn bdew jaħdmu fl-Isptar Mater Dei

Ilbieraħ 126 infermiera ġodda li kisbu r-riżultati tagħhom fil-ġimgħat li għaddew, bdew il-karriera tagħhom fil-qasam tas-saħħa. 58 minn dawn l-infermiera bdew xogħol fl-Isptar Mater Dei, 18 fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u 19 fl-Isptar Karen Grech. Barra minn hekk, 23 infermiera se jkunu qegħdin jingħaqdu mat-team ta’ infermiera f’San Vinċenz de Paul u tmien infermiera oħra f’numru ta’ djar għall-anzjani. Min-nhar it-Tnejn f’Mater Dei se jibdew il-karriera tagħhom ukoll 12-il midwife. Dan tħabbar illum mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, waqt programm fuq ir-radju.

“Il-qasam tas-saħħa bħalissa għaddej minn proċess dinamiku ta’ espansjoni. L-investiment ta’ aktar minn €200 miljun mill-privat sabiex nibnu mill-ġdid l-Isptar t’Għawdex, kif ukoll niftħu mill-ġdid l-Isptar San Luqa u nimmodernizzaw l-Isptar Karen Grech, se jwasslu wkoll biex apparti li noffru servizz iprem u kif xieraq lill-pazjenti Maltin u oħrajn barranin li se jiġu f’pajjiżna fuq turiżmu mediku, se jwassal ukoll sabiex jinfetħu opportunitajiet kbar għal min irid ikollu karriera fil-qasam tas-saħħa,” qal Fearne.

Huwa stmat li dawn il-proġetti se jkunu qegħdin joħolqu madwar 1,000 impjieg ġdid f’dan is-settur, f’oqsma varji.Mis-sena skolastika li ġejja dawk l-istudenti li qegħdin jieħdu l-kors fl-MCAST, Extended Diploma in Health and Social Care, se jkollhom il-kwalifiki tagħhom rikonoxxuti mill-Università ta’ Malta u se jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw in-nursing fl-Università ta’ Malta.

Permezz ta’ dan il-ftehim huwa stmat li l-infermiera l-ġodda fis-snin li ġejjin jiżdiedu b’mod sostanzjali. Dan jikkontrasta bil-kbir ma’ dak li kien jiġri bejn l-2006 u l-2010 meta gvern preċedenti kien daħħal numerus clausus fuq il-kors tan-nursing biex kien illimita n-numru ta’ studenti li setgħu jagħżlu dan il-kors.

 

More in Politika