Aġġornata: David Gonzi suspettat fl-investigazzjoni dwar il-Mafja … Gonzi jiċħad

Isem David Gonzi - iben l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi - jissemma bosta drabi fid-dokument ta' investigaturi Taljani li ħarsu lejn kumpaniji tal-gaming allegatament immexxijin mill-Mafja; Gonzi jgħid li sehemu kien limitat għal servizzi fiduċjarji u legali

David Gonzi, iben l-eks-Prim Ministru L.Gonzi
David Gonzi, iben l-eks-Prim Ministru L.Gonzi

David Gonzi, iben l-eks-Prim Ministru u Kap tal-PN Lawrence Gonzi, llum iddefenda s-sehem tiegħu f’numru ta’kumpaniji tal-gaming li allegatament kienu qed jintużaw mill-Mafja ta’ Calabrija, magħrufa bħala Ndrangheta, għall-ħasil tal-flus.

Huwa qal ukoll li qatt ma kellhom suspett li l-kumpaniji involuti kienu involuti f’xi attività illegali u li l-awtoritajiet Maltin għamlu d-due diligence tagħhom.

Ir-rapport tal-investigaturi Taljani għaraf lil Gonzi bħala wieħed mis-suspettati fl-investigazzjoni. Isem Gonzi jissemma bosta drabi fid-dokument tal-investigaturi u fil-fatt, Gonzi kien l-unika sieħeb ta' GVM Holdings illi ssemma b'ismu. Skont t-Times of Malta, l-preżenza ta' Gonzi fid-dokument tal-investigazzjoni juri kif il-mafja Taljana kapaċi "tinfiltra l-ogħla livelli tas-soċjetà.”

Madankollu, fi stqarrija, Gonzi qal li d-dettalji kollha tal-benefiċarji setgħu jiġu mitluba mill-awtortijatjiet Maltin. Huwa kkonferma li għandu terz tas-sehem fi ħdam GVM Holdings Limited, u kif fit-2 ta’ Diċembru tal-2014, huwa kien ġie maħtur bħala t-tielet direttur tal-kumpanija, liema kumpanija topera bħala fiduċjarja.

“Dan ifisser li minkejja li l-pubbliku ma jkunx taf l-isem tal-benefiċjarju, d-dettalji kollha tal-benefiċjarji jistgħu jiġu mitluba mill-awtoritajiet Maltin. Fil-każ ta’ kumpaniji tal-gaming, dawn id-dettalji kollha jridu żvelati lill-Awtorità tal-Gaming f’Malta qabel ma din tal-aħħar toħroġ liċenzja,” huwa qal.

Gonzi sostna wkoll li dawn il-kumpaniji kollha għandhom liċenzja tal-gaming, u li f’kull każ, l-awtoritajiet Maltin jagħmlu d-due diligence biex jivverifikaw li l-benefiċarji huma ta’ rieda tajba. Fil-każ tal-klijenti tal-GVM, inklużi dawk li ġew investigati, l-Awtorità tal-Gaming għamlu dan. Huwa qal ukoll Ii anke l-GWM għamlet id-due diligence tagħha biex tassigura li l-individwi konċernati kienu ta’ ried tajba.

“Minn mindu sirt direttur f’ Diċembru tal-2014, qatt ma kellna raġuni biex nissuspettaw li l-kumpaniji msemmija fl-investigazzjoni kienu involuti f’ xi attività illegali. Kien għal din ir-raġuni li l-kumpaniji involuti kienu aċċettati bħala klijenti tal-GVM.”

Gonzi sostna kif sa issa – minkejja huwa “wieħed mis-suspettati fl-investigazzjoni” – huwa għadu ma ġiex interrogat jew anzi avviċinat.

“Diġà provdejt l-informazzjoni neċessarja kollha lill-awtoritajiet Maltin, inkluż l-MFSA u l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit). FIl-jiem li ġejjin, jien se nikkuntatja wkoll lill-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani sabiex niċċara l-pożizzjoni tiegħi,” huwa qal.

“Madankollu, f’ dan l-istadju rrid niċċara li r-rapport tal-investigaturi Taljani huwa wieħed fattwalment inkorett hekk kif GVM hija kumpanija fiduċjarja liċenzjata li għandha ishma f’isem is-sidien benefiċarji.”

Gonzi qal li f’rapport ta’ 770 paġna huwa msemmi li jinsab fiċ-ċentru tal-għanqbuta iżda madankollu, m’hemm l-ebda evidenza. Huwa temm jgħid kif madankollu, r-rapport innifsu jgħid li l-investigazzjonijiet għadhom għadejjin.

More in Politika