Id-diżrispett lejn in-nies tas-South intwera mill-Amminstrazzjoni Nazzjonalista – Leo Brincat

Nhar l-inawgurazzjoni l-proġett kien għadu mhux lest 

nhar l-inawgurazzjoni l-proġett kien għadu mhux lest
nhar l-inawgurazzjoni l-proġett kien għadu mhux lest

“Id-diżrispett lejn in-nies tan-Nofsinhar ta' Malta ntwera mill-Amminstrazzjoni Nazzjonalista li ġiet sfiduċjata fl-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2013 wara li rriżulta, b'mod konkret, li  daħqet sfaċċatament bin-nies fuq diversi issues u f'għadd ta' okkażjonijiet, fosthom dawk dwar il Park tal-Familja.” Dan qalu l-Ministru Leo Brincat lbieraħ fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li staqsa għaliex il-Park tal-Familja ta' Wied il-Għajn jinsab fi stat ta' abbandun skont ma kien irrappurtat fil-media dan l-aħħar.

Il-Ministru Brincat qal li kien jistenna li l-Onor. Interpellant kien ser jibbaża ruħu fuq il-fatti u mhux jistrieħ fuq ritratti mingħajr data, kif dehru riċentement fil-ġurnal tal-partit tiegħu stess ftit jiem qabel ma saret l-interpellanza. “Qed nieħu gost li l-Onor. Interpellant f'daqqa waħda  qed juri li qalbu taħarqu għan-nies tan-Nofsinhar ta' Malta, meta sa ftit jiem ilu biss, il-Mexxej tal-istess Partit tiegħu u l-Viċi Kap kollega tiegħu, taw x'jifhmu li ma għandniex nibqgħu nirreferu għas-South u għan-North ta' pajjiżna, tant li l-Onor. De Marco fit-TIMES TALKING POINT tat-22 ta’ Mejju 2015, qal li aħna lkoll Maltin u dawn l-attentati tal-Prim Ministru li jdaħħal distinzjoni bejn in-nies tan-naħa ta’ fuq u tas-South mhix aċċettabbli u bla sens filwaqt li din id-distinzjoni hija xi ħaġa ta’ stmerrija.” 

Brincat qal li każ tipiku ta’ diżrispett intwera meta l-Gvern ta’ qabel kien għażel li jinawgura l-istess Park litteralment lejliet l-Elezzjoni Ġenerali għall-skopijiet purament elettorali, meta kien għad hemm ħafna xoghlijiet mhux kompluti, u meta lanqas kellhom id-diċenza li jaraw li jkun hemm is-safety measures fil-post għal dawk li jżuruh jew jieħdu ħsieb l-aċċess għall-persuni b’diżabbiltà.

“Daqstant ieħor intwera diżrispett lejn in-nies tas-South meta minħabba l-ferneżija elettorali l-Gvern li l-Onor. Interpellant kien jagħmel parti minnu, qabbad u għadda t-tmexxija tal-Park lid-Direttorat tal-Parks b'sempliċi telefonata mingħajr ma kienu attrezzati ghal dan, mingħajr ma ndenja ruħu jaħtar maniġment tim kif għamlet din l-Amministrazzjoni filwaqt li flok alloka fondi għall- bżonnijiet tal-Park, għażel li juża fondi kapitali oriġinarjament maħsuba għall-operat tal-WasteServ ħafna drabi permezz ta' direct orders fejn l-approvazzjoni tal-Finanzi nkisbet wara li saru l-ordnijiet diretti.”

Il-Ministru kompla jgħid li kien ta’ diżrispett għan-nies tas-South li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern jiftħilhom Park tal-Familja bħal dan fejn il-water feature tant kienet mibnija ħażin li wara ftit sfrundat. “Kien ta’ diżrispett għat-taxpayers Maltin meta rriżulta li ħafna mill- infiq żejjed kien ġej mill-fatt li kien hemm bosta tibdiliet 'ad hoc' fl-aħħar minuta, għall-pjani li kienu diġà ġew approvati dwar il-proġett.”

Qal ukoll li konferma li dan it-tberbiq kollu u li x-xogħol sar bl-għaġla għal skopijiet purament elettorali, joħroġ mill-fatt li l-proġett ġie inawgurat mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien nhar l-24 ta’ Frar 2013, jiem biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali. “U dan meta nhar l-inawgurazzjoni l-proġett kien għadu mhux lest u kien għad hemm żvilupp għaddej, b'ħafna heavy machinery on site b'periklu għall-viżitaturi fil-Park u b’nuqqas ta’ għadd ġmielu ta’ completion certificates.”

More in Politika