Ir-rapport tal-Mater Dei fih frodi u korruzzjoni u għalhekk ingħata f'idejn il-kummissarju

Il-Ministru Mizzi tenna li ta’ dan l-iskandlu iridu jwieġbu għalih Simon Busuttil, l-eks Ministru tas-Saħħa Louis Galea, John Dalli, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kif ukoll Brian St John. 

Il-Ministru Mizzi  ħabbar ir-riżultat tar-rapport dwar il-konrit f'Mater Dei. Hu qal li jidher li r-responsabbiltà globali f’dan l-iskandlu kbir hi ta’ Skanska.

Ir-rapport isemmi saħansitra li kien hemm frodi u korruzzjoni involuti f’dan il-każ. Saħansitra persuna li tat ix-xhieda tagħha quddiem il-bord qalet li kien hemm intervent politiku fl-għażla tal-fornituri.

Ir-rapport isemmi li minn kull ħames testijiet li saru fuq il kwalità tal-konkrit, erbgħa saru minn Skanska nnifisha meta dan ma kellux isir skont ir-regolamenti. Il-ħames test sar mid-dipartiment tax-xogħlijiet iżda l-konkrit ittieħed lilhom u mhux marru huma fuq is-sit.

Filwaqt li stqarrew li se jipreżentawh quddiem il-parlament illum stess, il-Ministru Mizzi qal li l-istess rapport ingħata lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga jekk kienx hemm każ ta’ frodi u korruzzjoni, għand l-Avukat Ġenerali biex jara x’passi jistgħu jittieħdi mill-aspett ċivili u l-Awditur Ġenerali. L-Avukat Ġenerali se jagħti l-parir tiegħu anke fil-konfront tal-kumplikazzjonijiet legali li nħolqu bil-“waiver” fil-kuntratt.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li se jieħu l-passi kollha neċessarji biex l-isptar ikun sigur għall-pazjenti. Hu saħaq ukoll li minbarra d-dipartiment tal-emerġenza se jsiru wkoll testijiet fuq partijiet oħra tal-isptar.

Il-Gvern ħababr ukoll li bi ħsiebu jagħmel laqgħat ma’ Skanska sabiex tiġi diskussa din is-sitwazzjoni.  Il-Ministru Mizzi tenna li ta’ dan l-iskandlu għandhom x’jirrappurtaw għalih Simon Busuttil, l-eks Ministru tas-Saħħa Louis Galea, John Dalli, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kif ukoll Brian St John. 

More in Politika