Għandi d-dubji jekk nies fil-PN kinux jafu dwar il-konkos dgħajjef f'Mater Dei - Konrad Mizzi

Għandhom jinżammu responsabbli min ipprovda, min poġġa, min iċċertifika l-konkos u min kien responsabbli politikament

Il-Ministru għall-Enerġija u Saħħa Konrad Mizzi jgħid li għandu d-dubji tiegħu jekk nies fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kinux jafu bil-kwalità tal-konkos li hemm f'Mater Dei qabel ma fil-fatt ġew ippubblikati l-istudji ta' ARUP li juru li l-konkos li suppost kellu jkun ta' livell ta' 30 mpa, meta fil-fatt kien biss ta' 18mpa. Dan għaliex minn kummenti li għadda Tonio Fenech mal-gazzetta Times of Malta, li ma kienx sorpriż meta nstab konkos dgħajjef.

Waqt dibattitu jaħraq fuq il-programm ta' diskussjoni REPORTER immexxi minn Saviour Balzan, il-Ministru tas-Saħħa staqsa lix-shadow minister jekk fiż-żmien meta kienet kellima għall-Ministeru tas-Saħħa għall-PN, irċevietx xi korrispondenza dwar il-kwalità tal-konkos użat.

Il-Ministru Mizzi spjega kif skoprew bil-problema meta riedu li jinbena sular ieħor fuq il-blokka tal-emerġenza biex jiżdiedu b'68 is-sodod fl-emerġenza. Hemmhekk, saru testijiet fuq l-istruttura u wara 3 testijiet deher li kien hemm xi problemi fil-kwalità tal-konkos użat. Huwa stmat li sabiex jiġu rranġati l-ħsarat, se iswew madwar €35 miljun.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg meta mistoqsija dwar id-devjazzjonijiet, qalet li din hija tattika għaliex l-attenzjoni ġiet devjata mill-iżvilupp ta' Żonqor Point. Minn naħa tiegħu, Mizzi tenna li din kienet tattika tal-PN fejn irid jieħu l-mertu tal-affarijiet pożittivi imma jaħsel idu met jkun hemm xi ħaġa ħażina.

Dwar il-kwistjoni tal-waiver agreement li jxolji lill-kumpanija Skanska u l-partijiet involuti l-oħra mir-responsabbiltajiet, Buttiġieġ qalet li dan kien f'safe sabiex ikun protett, bħala dokument ta importanza

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni rrimarkat li l-eks imħallef Philip Sciberras li huwa inkarigat mill-inkjesta huwa missier s-segretarju preżenti tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Iż-żewġ naħat, minn naħa tagħhom qablu li għandhom jerfgħu r-responsabbiltà min ipprovda, min poġġa, min iċċertifika il-konkos u min kien responsabbli politikament.

Il-Ministru Mizzi temm jgħid li "dan huwa skandlu u li qed jiġi indirizzat – il-poplu huwa rrabjat għax b’€35m stajna kważi nibnu sptar tal-onkoloġija ieħor."

More in Politika