Il-Partit Nazzjonalista għandu jwieġeb għas-sitwazzjoni tal-bini f’Mater Dei – Konrad Mizzi

Brian St John jiċħad l-akkużi ta’ Konrad Mizzi

Dehra artistika tal-estensjoni li qed tinbena
Dehra artistika tal-estensjoni li qed tinbena

Il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi saħaq li l-partit nazzjonalista għandu jwieġeb għas-sitwazzjoni tal-bini tal-isptar Mater Dei hekk kif issa hu kkonfermat li ntuża konkrit ta’ kwalità nferjuri. Mizzi kien qed jitkellem waqt żjara fl-isptar Mater Dei fejn qed tinbena parti ġdida li mistennija jkollha 68 sodda biex titaffa parti mill-problema ta’ nuqqas ta’ soddod li hemm fl-isptar.

Il-Ministru qal li l-eks kap eżekuttiv Brian St John, li llum jaħdem bħala kap eżekuttiv mal-Partit Nazzjonalista, kien ħeba dokumenti f’safe bla ma qal lil ħadd dwarhom jew fejn jinstabu. Mizzi qal li dawn l-affarijiet mhumiex aċċettabli u li Simon Busuttil għandu jieħu r-responsabbilta politika għal dan l-aġir waqt li kkonferma li r–rapport tal-inkjesta se jkun ippreżentat fil-parlament fil-jiem li ġejjin.

Konrad Mizzi tenna li l-ispiża biex jitranġa l-isptar Mater Dei tilħaq it-30 miljun ewro waqt li nsista li l-partit nazzjonalista fil-gvern kien jaf li bin-nuqqasijiet fil-bini tant li ħelipad ma saritx fuq is-saqaf imma fuq biċċa art fil-madwar tal-isptar.

Intant: Intant fi stqarrija, Brian St John ċaħad l-akkuzi li għamel aktar kmieni l-Ministru Konrad Mizzi u qal li lest jieħu azzjoni legali f’dan ir-rigward.

St John saħaq li matul iż-żmien li okkupa l-kariga ta’ Kap Ezekuttiv tal-FMS hu dejjem mexxa l-operat bi prinċipji etiċi u governanza tajba. Semma li l-isptar tal-onkoloġija li nbena meta hu kien kap eżekuttiv, ingħata l-aqwa ċertifikat fir-rapport tal-ARUP.

More in Politika