AD tkompli żżid il-persentaġġ fl-elezzjonijiet

L-AD mistennija ttella' lill-kandidat Ralph Cassar fuq il-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard

Meta mqabbla mar-riżultat tat-2012, Alternattiva Demokratika żiedet fl-appoġġ tagħha fil-lokalitajiet li fihom ikkontestat. Dan ir-riżultat kompla fuq iż-żidiet li rregistrat l-AD għal tlett elezzjonijiet in fila (elezzjoni ġenerali, l-elezzjoni tal-parlament ewropew u din l-elezzjoni tal-kunsilli lokali). Ma dan jiżdied l-irwol li ħadet l-AD li timmobilizza s-soċjetà ċivili biex għall-ewwel darba, jkun formalizzat il-vot ambjentali permezz ta’ 49% tal-elettorat li poġġa kwistjonijiet ambjentali fuq nett tal-aġenda politika. Ma' dan jiżdied ukoll il-fatt li l-kandidat tagħha Ralph Cassar bil-probabbiltà kollha reġà ġie kkonfermat bħala kunsillier fuq il-lokalità ta’ Ħ’Attard ukoll b’żieda sostanzjali ta’voti. Dan qalu ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola f’konferenza tal-aħbarjiet miċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.

Cassola sostna li dan ir-riżultat jawgura tajjeb biex il-moviment ambjentali fil-pajjiż jibqa’ jikkonsolida ruħu. "L-AD, huwa partit bla kantunieri li tgħid dak li tħoss mingħajr ma tħossha mxekkla minn interessi egoistiċi li rriżultaw f’rikatti elettorali bħalma ġara fuq il-kwistjoni tal-kaċċa. F’din il-kampanja elettorali, AD kienet l-unika vuċi li ffukat fuq dak li kellna bzonn niffukaw fuqu f’dawn l-elezzjonijiet; il-kunsilli lokali.  B’xorti ħażina, żied jgħid Cassola, il-partiti l-oħra komplew jiddibattu fuq kwistjonijiet nazzjonali li konna ilna nisimgħu bihom. Dan l-atteġġjament difen diskussjoni  bżonnjuza li għandna nagħmlu bħala pajjiż partikolarment fuq l-iffinanzjar tal-kunsilli biex dawn ikunu sostenibbli u jaqdu lir-residenti aħjar.       

Cassola temm billi rringrazzja lil dawk il-votanti li wrew fiducja f’Alternattiva Demokratika u twegħdhom li tibqa' taħdem favur il-prinċipji li ispirawha minn dejjem.  

More in Politika