SHout tikkundanna theddid li sar kontra Sandro Mangion

Il-kelliema ta' SHout jindirizzaw konferenza stampa f'Tas-Sliema
 

"Din hi t-tip ta' kultura li ilna naraw għal snin sħah mill-kaċċaturi." Dawn kienu kliem Mark Sultana, kelliem għal kampanja SHout b'reazzjoni għat-theddid li rċieva Sandro Mangion, l-editur tal-ġurnal L-Orizzont u l-gazzetta ta' nhar ta' Ħadd it-Torċa, wara li Mangion iddikjara li ħa jivvota kontra l-kaċċa fir-referendum ta' April li ġej.

Il-messaġġ li rċeva Mangion kien jgħid "jekk ir-referendum fuq il-passatemp li jien u l-membri familjari tiegħi tant għandna għal qalbna jgħaddi, mela INTI [sic] ħa tkun wieħed mill-ewwel persuni li ħa..." - fejn ippubblikah fuq il-profil personali tiegħu ta' Facebook, l-istess profil li fuqu din il-ġimgħa stess kiteb għaliex ħa jivvota LE - "Il-bini bela' terz ta' pajjiżna, u ħafna mill-kampanja hija art privata. B'hekk mhux ġust li l-ftit kampanja li hi aċċèssibbli għall-pubbliku jistgħu jgawduha biss l-kaċċaturi waqt l-isbaħ ġranet tas-sena." Kiteb ukoll li "l-abolizzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa ma tfissirx li l-kaċċaturi ma jistgħux igawdu l-kampanja. Jistgħu jgawduha xorta mal-familjari u mal-ħbieb tagħhom, biss mingħajr senter f'idhom."

Sultana llum indirizza konferenza stampa f'Tas-Sliema, flimkien ma Saviour Balzan u Moira Delia.

"Aħna qegħdin Tas-Sliema għax irridu lir-residenti ta' Tas-Sliema jkunu konxji li għandhom jivvutaw le. Tas-Sliema hija waħda mil-lokalitajiet li mhux ħa jkollha elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. B'hekk huwa imperattiv li joħorġu jivvutaw. Ir-residenti ngħataw dan id-dritt demokratiku u għandhom jużawh." Sultana wera, fuq eżempju ta' karta tal-vot, fejn wieħed għandu jimmarka biex jivvota le.

"B'vot ta' le nkunu qed intemmu l-kaċċa fir-rebbiegħa f'Malta, u nagħmlu pajjiżna post aħjar."

 

More in Politika