Uffiċjal għoli tal-Gvern mitlub jirtira wara li qal lil Gonzi dwar l-interferenza ministerjali

Intalab jirtira ta' 60, wara li talab lil Gonzi jintervjeni dwar l-interferenzi tal-Ministeru t'Għawdex

Frank Psaila, uffiċjal għoli tal-Gvern f'Għawdex sal-2005, ġie mitlub biex jirtira mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi wara li Psaila kien qallu bl-interferenza serja tas-segretarjat privat tal-Ministru Giovanna Debono fil-ħidma taċ-ċivil.

L-aħħar żviluppi waslu ġimgħa wara li l-gazzetta MaltaToday żvelat l-istorja kif ir-raġel ta' Giovanna Debono kien involut f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni b'xejn għal kostitwenti Għawdxin, li tħallsu mill-fondi pubbliċi Għawdxin.

It-talba ta' Gonzi biex jirriżenja Psaila waslet mingħand Godwin Grima, il-kap tas-servizzi ċivili. Psaila ma ddispjaċihx li kien ħa dik il-pożizzjoni, fil-fatt qal lil Gonzi,"It-talba tiegħek jagħmilni uffiċjal pubbliku kburi u Għawdxi kburi."

Frank Psaila li kien is-segretarju permanenti għall-Ministeru t'Għawdex sal-2005, kien kiteb lil Gonzi, f'ittra li ġiet ippubblikata fil-MaltaToday, fejn qallu bl-interferenza politika li kien hemm fit-tmexxija tas-servizz ċivili f'Għawdex.

Xi ġimgħat wara li ntbagħtet l-ewwel ittra, Psaila kellu laqgħa ma' Godwin Grima, li qallu bit-talba tal-Prim Ministru li Psaila kellu jirtira ta' 60 sena, minħabba nuqqas ta' qbil mal-ministru tiegħu, Giovanna Debono.

Fl-ewwel ittra, li ntbagħtet fit-18 ta' Marzu, 2005 dwar irregolaritajiet, Psaila qal lill-Prim Ministru li numru kbir ta' ħaddiema ġew trasferiti għal xogħlijiet li ma kienx hemm xogħol x'jagħmlu fihom, waqt li kien hemm ukoll ħaddiema li kienu qed jagħmlu xogħol li kien inqas mill-grad tagħhom. Żied jgħid li dawn it-transfers kienu qed joħolqu problemi serji fi ħdan id-dipartimenti tal-Gvern f'Għawdex.

Tant kien hemm pressjoni min-naħa tal-ministeru fil-bordijiet tal-ħatriet, li l-ħaddiema bdew jippruvaw jevitaw kemm jistgħu li jkunu involuti f'dawn il-bordijiet.

Dwar l-overtime u xi allowances, Psaila qal li l-ħaddiema kienu qed jitħallsu għal overtime li ma kinux qed jagħmlu u jingħataw allowances mingħajr spjegazzjoni.

Psaila temm l-ittra billi jitlob li "B'kull rispett, nixtieqek tintervjeni biex twaqqaf dan kollu, li qed jimmina għalfejn qegħdin hawn. Qed nistasi lilek għaliex jien m'għandix il-poter."

More in Politika