Diċembru reġa’ kien wieħed rekord fit-turiżmu

Is-suq Amerikan kiber bi 15%.

Aktar minn 66, 000 turist żaru Malta f’Diċembru li għadda.  Dan ifisser li x-xahar ta’ Diċembru reġa’ kien wieħed rekord fit-turiżmu, u dan mhux biss fl-ammont ta’ turisti li waslu imma wkoll fin-numru ta’ ljieli u kif ukoll fl-infiq. Ta’ min jinnota wkoll b’sodisfazzjon it-tkabbir ta’ aktar minn 36% fin-numru ta’ turisti Ġermaniżi li żaru Malta f’Diċembru li għadda meta mqabbel ma’ Diċembru 2013.
 
“Dan ir-riżultat miksub f’Diċembru jikkumplimenta r-riżultati miksuba xahar wara xahar matul is-sena kollha.” Hekk qal il-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis fi stqarija maħruġa ftit ilu. Qal li fis-sena 2014 esperjenzajna tkabbir ta’ kważi 8% fl-ammont ta’ turisti li żaru Malta fuq dak reġistrat fl-2013, hekk kif inqabżet iċ-ċifra ta’ 1.7 miljun turist. “Aktar minn 13.5 miljun lejl ġew reġistrati filwaqt li l-infiq turistiku laħaq il-figura ta’ €1.5 biljun, fejn kellna tkabbir ta’ aktar minn 6% fuq is-sena 2013.”
 
Il-Ministru tenna li s-sena 2014 kienet sena oħra eċċezzjonali għat-turiżmu f’pajjiżna. “Kellna żieda ta’ aktar minn 123,000 turist fuq l-2013 li ħallew kważi €88.4 miljun aktar fl-ekonomija Maltija.  Ta’ min jinnota li l-akbar tkabbir fin-numru ta’wasliet wasal mis-suq Amerikan, fejn dan is-suq kiber bi 15%.”
 
Zammit Lewis aċċenna li dawn ir-riżultati jikkonfermaw kemm Malta qed tkun fuq quddiem nett meta kkomparata ma pajjiżi oħra Ewropej u saħansitra madwar id-dinja.  “Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern għat-turiżmu qegħda fid-direzzjoni t-tajba.  Il-gvern huwa kommess li jissokta b’ħidmietu għal aktar suċċess fit-turiżmu u aktar riżultati pożittivi, mhux biss fl-ammont ta’ turisti imma wkoll billi jkompli jaħdem biex jitjieb il-prodott turistiku li bih tiġbed aktar turisti ta’ kwalità li jħallu aktar ġid fl-ekonomija Maltija.”
 
 

More in Politika