Il-PN missu jħares lejn il-meters tad-dawl tan-nies u n-negozji – Toni Abela

Dak li kien jgħid il-Perit Mintoff dwar il-paċi fil-Mediterran illum jagħmel ħafna sens

Dak li kien jgħid il-Perit Mintoff dwar il-paċi fil-Mediterran jagħmel ħafna sens
Dak li kien jgħid il-Perit Mintoff dwar il-paċi fil-Mediterran jagħmel ħafna sens

“Illum il-Partit Nazzjonalista minflok iħares lejn il-meter li krea hu fuq l-internet, imissu jħares lejn il-meter tad-dawl u l-ilma tal-familji u n-negozji li qed jirċievu u ser jibdew jirċievu kontijiet orħos kif imwiegħed.” Stqarr dan id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Toni Abela waqt li kien qed jagħlaq l-ewwel sessjoni plenarja tal-Konferenza Ġenerali Annwali 2015 tal-Partit Laburista.

Toni Abela fakkar kif kull darba li l-Partit Laburista, dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni kien jitkellem fuq il-qasam tal-enerġija u kien jipprovdi bis-soluzzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista kien jispiċċa jattakka. Stqarr li l-Partit Nazzjonalista ma kienx moħħu fin-nies, u aktar kien moħħu li jieħu żieda fis-salarju tiegħu milli li jraħħas il-kontijiet u dan filwaqt li kien hemm min qed jieħu l-kummissjonijiet fuq ix-xiri taż-żejt.

Id-Deputat Mexxej fakkar ukoll kif fi żmien Gvernijiet Laburisti tas-sebgħinijiet, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma kinitx tappoġġja lill-Gvern fuq il-kwistjoni tal-bjar taż-żejt iżda kienet iżomm ma’ pajjiż barrani. Tkellem ukoll dwar kif dak li qed jiġri madwarna fuq ix-xena internazzjonali jaffettwa lill-pajjiżna wkoll, semma b’mod partikolari dak li qed jiġri fil-Libja. “Illum il-ġurnata l-kliem li kien jgħid il-Perit Mintoff li mingħajr paċi fil-Mediterran ma jkunx hemm paċi fl-Ewropa, qed jagħmel ħafna sens hekk kif qed narawh fis-seħħ.”

Saħaq li fuq il-kwistjoni tal-Immigrazzjoni m’hemmx xejn x’nagħmlu biex inwaqqfuha iżda li għandu jsir huwa kif diġa’ għamel u qed jagħmel il-Prim Ministru li jagħmel pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea sabiex il-pajjiżi kollha jerfgħu l-piż. “Hemm bżonn li l-altruwiżmu jipprevali fuq l-egoiżmu u anke fuq il-każ tal-Immigrazzjoni fejn iridu npoġġu rwieħna fil-pożizzjoni tagħhom biex jagħmlu dak il-pass u jitilqu ‘il bogħod minn pajjiżhom.”

Toni Abela temm id-diskors tiegħu billi għamel referenza wkoll għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali u semma kif hemm ħafna żgħażagħ li resqu lejn il-Partit Laburista u ser jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet.

More in Politika