Taqtiegħa bejn il-Libjani għar-rikonoxximent mill-gvern Malti

Jissieltu għad-dritt tal-Ambaxxata Libjana f’Malta

Jissieltu għad-dritt tal-Ambaxxata Libjana f’Malta
Jissieltu għad-dritt tal-Ambaxxata Libjana f’Malta

Iż-żewg gvernijiet Libjani, dak ta’ Tobruk u dak ta’ Tripli, jinsabu f’taqtiegħa sħiha bejniethom għar-rikonoxximent mill-gvern Malti fejn bħalissa it-tnejn li huma qed jissieltu għad-dritt tal-Ambaxxata Libjana f’Malta.

Matul il-jum tal-bieraħ, iċ-Charges d'Affaires li jirrapreżenta l-Gvern ta' Tripli Hussin Musrati qal f’konferenza tal-aħbarijiet li l-Gvern Malti u l-Ministru George Vella m’għandomx jieħdu naħat fil-kwistjoni ta' liema gvern huwa rikonoxxut fil-Libja. Qal ukoll li l-Qorti Kostituzzjonali Libjana ħassret il-Parlament ta' Tobruk liema gvern huwa rikonoxxut internazzjonalment inkluż minn Malta. Musrati żied li l-Gvern Malti m’għandux jibqa' jirrikonoxxi dan il-gvern meta l-Qorti Kostituzzjonali Libjana ħasritu.

Fl-indirizz tiegħu Musrati allegga wkoll li nsterqu żewġ karozzi mill-Ambaxxata f'Malta u li kien hemm misaproprjazzjoni ta' flus li huma flus il-poplu Libjan. Is-sitwazzjoni fl-Ambaxxata Libjana kkomplikat ruħha nhar l-Erbgħa meta Charges d'Affaires ġdid, Al-Habin Al-Amin, li jirrapreżenta l-gvern ta' Tobruk ġie Malta biex jieħu post Musrati. Min-naħa tiegħu Musrati baqa' jokkupa l-bini tal-Ambaxxata.

Intant b’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Ambaxxata Libjana, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti qal fi stqarrija li l-Gvern Malti qatt ma ndaħal u mhux beħsiebu jindaħal fl-affarijiet interni tal-Libja. Qal ukoll li l-aġir tal-Gvern Malti fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja kif żvolġew fl-aħħar xhur u ġimgħat, huwa kompletament konformi u ggwidat mill-prinċipji u l-linja ta’ azzjoni kif irrakkomandati mill-Ġnus Magħquda u l-Unjoni Ewropea dwar kif għandna naġixxu f’din is-sitwazzjoni delikata.

Il-Gvern Malti ilu l-ġimghat u x-xhur jieħu sehem f’attentati serji biex jissaħħaħ id-djalogu fil-Libja u li jwassal għall-Gvern tranżitorju li jittama li jwassal għall-paċi bbażat fuq Kostituzzjoni li qiegħda tiġi miktuba. Il-Gvern Malti jibqa’ kommess li jara fil-futur poplu Libjan magħqud u jgawdi l-paċi u s-sliem. Il-Gvern Malti jiddikjara li dejjem qies lill-poplu Libjan bħala poplu wieħed u b’dispjaċir qed jara din il-firda f’dan il-poplu ġirien.

More in Politika