Il-Verità numru 2

Kieku sar hekk konna nispiċċaw mingħajr amministrazzjoni tal-pajjiż għaliex x’aktarx, il-Kabinett kollu kien ikollu għalfejn jirriżenja

Talbu r-riżenja ta' Muscat u Mizzi, ta' Dalli u ta' Mallia
Talbu r-riżenja ta' Muscat u Mizzi, ta' Dalli u ta' Mallia

Ftit taż-żmien ilu kont ktibt artiklu intitolat  ‘Il-Verita’. Minn dakinhar li ktibt dak l-artiklu kien hemm ftit tal-iżvilupp stramb. Biex infakkar dwar x’kien l-ewwel artiklu; kont ktibt dwar sentenza li kienet tat il-Maġistrat Edwina Grima fil-każ: il-Pulizija kontra Sandro Chetcuti.

Lil Sandro Cetchuti tista’ tħobbu jew ma tħobbux. Iżda dak li ġara f’din il-kawża ma kienx jirrigwarda biss lilu, għalkemm huwa kien il-vittma, iżda lilna lkoll. Kull wieħed minna seta’ kien Sandro Chetcuti li kien akkuzat  b’attentat ta’ qtil fuq il-persuna ta’ Vince Farrugia, li wara din is-senetnza għeb għal kollox mix-xena politika lokali. Wieħed mill-aktar karattri storbjużi, apparti jiena, spiċċa fi speċi ta’ silenzju perpetwu minħabba sentenza li ‘rebaħ’!

Biex infakkar x’ġara, l-istess Maġistrat fis-sentenza ordnat li numru ta’ nies, fostom uffiċjali tal-GRTU, ikunu investigati minħabba possibbilita’ ta’ xhieda falza u manipulazzjoni ta’ provi u xhieda. Kif għidt fl-ewwel artiklu, ser nerġa’ ngħidu issa. Ir-Rumani kienu jikkunsidraw ir-reat ta’ testimonjanza falza agħar minn omiċidju. It-testimonjanza falza tgħawweġ il-verità u l-ġustizzja u agħar minn hekk tipprova toqtol bniedem innoċenti f’ħajtu. Għalhekk, aħjar mejjet mejjet milli mejjet ħaj.

Għall-bidu jien ħsibt li ser jibdew il-proċeduri b’ċertu ħeffa liema bħala. Ngħid il-verità ma nafx x’ġara. Iżda ġara x’ġara, għandna nkunu nafu x’ġara anke b’rispett lejn il-maġistrat jekk mhux lejn l-allegat vittma, jiġifieri Sandro Chetcuti. Għadda ż-żmien u ma smajna xejn. Mhux talli hekk, talli wieħed minn dawk li fil-fehma tiegħi kellu jkun investigat rajtu jippresjedi Tribunal, li minn issa qiegħed ngħidlu li jekk niġi quddiemu aħjar jirrikuża ruħu. Jekk ma jagħmilx hekk, nitlob ir-rikuża tiegħu jien għax wara sentenza bħal dik, m’għandix fiduċja fih.

Dawk li kienu indizzjati mill-Maġistrat Edwina Grima bħala li kellhom ikunu investgati, fosthom Ċensu Farrugia, eks-Kandidat tal-Partit
Nazzjonalista, saħansitra għadni narahom fuq programmi tat-TV jippontifikaw dwar kif għandhom isiru l-affarijiet. Flok kienu rġiel u l-inqas li setgħu jagħmlu jinħbew, għadhom jidhru fuq it-TV b’dik ir-‘rispettabbiltà’  ta’ qisu ma ġara xejn! Wieħed minnhom saħansitra għadu jitla’ Brussell jirrapreżenta lil pajjiżna!

Il-ġimgħa li għaddiet, Sandro Chetcuti kellu jippreżenta challenge kontra l-Kumissarju tal-Pulizija biex jagħmel dak li talbet li jsir il-Maġistrat Edwina Grima. Kont naħseb li din se tkun xi aħbar li tisplodi fl-aħbarijiet. Nagħmel mistoqsija: kemm minnkom li qed taqraw dan l-artiklu, tafu b’dan iċ-Challenge? Konvintissimu li ftit. 

Xogħol ta’ kostruzzjoni minimu għall-aħħar li qiegħed jingħad li qed isir f’razzett li huwa ta’ kumpanija li l-Ministru Helena Dalli, flimkien ma’ żewġha li hu soċju fiha, kienet aħbar akbar miċ-challenge li kellu jagħmel Sandro Chetcuti, meta m’hemmx paragun bejn wieħed u l-ieħor!

L-aktar li jolqotni f’dan kollu huwa s-silenzju tal-Mexxejja tal-Partit Nazzjonalista, li qatt ma ħarġu qatta bla ħabel kontra dawk li skont
il-Maġistrat Edwina Grima kienu allegatament kompliċi fil-perverżjoni tal-kors tal-ġustizzja. Qatt ma talbu r-riżenja ta’ xi wieħed minn dawk indizzjati biex jitneħħa minn kwalunkwe kariga istituzzjonali li għandu. Lanqas taw piż il-fatt li Sandro Chetcuti kellu jagħmel challenge biex forsi ssir ġustizzja.

Bħalissa, l-Mexxejja tal-Partit Nazzjonalista għaddejjin minn dillierju ta’ sensiela ta’ sejħiet biex kulħadd jirriżenja. Talbu r-riżenja ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi minħabba l-power station li se ssir u li sa ftit ilu ma riduhiex u issa jriduha. Talbu r-riżenja ta’ Helena Dalli minn Ministru minħabba kwistjoni li ma kinitx taf biha hi stess. Talbu r-rizenja ta’ Manwel Mallia għaliex issospenda lix-xufier tiegħu għal dak li ġara. X’aktarx qiegħed ninsa xi riżenja oħra għaliex id-dilirju tant huwa kbir li mhux inżomm kont tal-lista twila ta’ riżenji li qegħdin jitolbu.

Iżda dwar il-każ ta’ Sandro Chetcuti, silenzju tombali! Għalihom, ma sar xejn ħazin minn eks-kandidat tagħhom u jekk xi darba qalu xi ħaġa, għamlu dan wara ħafna daqqiet ta’ sieq mill-istampa lokali. Bħalma kienu qalu xejn fil-każ tas-Segretarju Privat tal-Ministru Tonio Fenech, li kien ammetta li xxaħħam mill-aħwa Montebello li b’kumbinazzjoni, kienu l-istess nies li kien allegat li għamlu xogħol bi pjaċir lill-istess Ministru fid-dar privata tiegħu.

Tajjeb ukoll li nfakkar li l-ewwel verżjoni tas-segretarju privat kienet li ħadhom għall-kampanja elettorali tal-Ministru Fenech. Dakinhar, ma ntalbet ebda riżenja meta hemm baħar jaqsam bejn dak li għamel ix-xufier ta’ Manwel Mallia, li dejjem jibqa’ ħazin, u dak li għamel is-Segretarju Privat ta’ Tonio Fenech!

Iżda jekk kien hemm każ fejn tintalab riżenja, kien dak fejn żdiedet l-onorarja ta’ dawk fil-Kabinett minn wara dahar il-poplu. Tant kienet
deċizjoni ħażina, biex ma nużax kliem ieħor, li kellhom iroddu lura dak li ħadu! Kieku kien ħaddieħor li għamel hekk kienu jintużaw kliem aktar tekinikament xierqa fiċ-ċirkostanzi. Iżda ħadd ma talab ir-riżenja ta’ dawk li kienu ħadu din iż-żieda għalkemm nifhem, għaliex li kieku sar hekk konna nispiċċaw mingħajr amministrazzjoni tal-pajjiż għaliex x’aktarx, il-Kabinett kollu kien ikollu għalfejn jirriżenja.

Jiddispjaċini li r-riżenji saru qishom il-virga ta’ lesbo li kienet magħmula miċ-ċomb biex titgħawweġ skont l-okkażjoni. F’dan il-każ, is-sejħa ta’ riżenja jitgħawġu skont iċ-ċirkostanzi. B’dan il-mod, qiegħda ssir ħafna ħsara, għaliex issa ħadd mhu qiegħed jieħu bis-serjetà kull darba li jkun hemm sejħa għal xi riżenja. Fejn suppost jintalbu r-riżenji, kulħadd jaqa’ fil-muta u fejn suppost ma jintalbux, nagħmlu karikatura tas-serjetà, bħalma qed jiġri issa u kif ġara fil-każ ta’ Sandro Chetcuti.

Nittama biss li ma jkollix għalfejn, li fi ftit żmien ieħor, ikolli nikteb artiklu ieħor li jkun intitolat : ‘Il-Verità numru tlieta!’

 

More in Politika