"M'hemmx ħeġġa biex jinbidlu l-affarijiet" - Miriam Dalli

Id-diskussjoni fil-Parlament Ewropew saret fl-isfond tat-tensjoni u l-vjolenza kontinwa li teżisti fil-Libja

Miriam Dalli
Miriam Dalli

"Ma' kull jum li jgħaddi s-sitwazzjoni fil-Libja qed issir aktar delikata u hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tieħu rwol aktar ċentrali." Qalet dan il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli f'dibattitu mal-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew.

Dalli sostniet li ċ-ċittadini huma mħassbin dwar dak li għaddej fil-Mediterran bħalissa b'mod partikolari dwar l-aħħar żviluppi fil-Libja.

“Ma setax kien hemm mument aħjar minn dan biex niddiskutu s-sitwazzjoni fil-Mediterran. Mhux biss għax hemm bżonn urġenti ta' azzjoni dwar l-immigrazzjoni imma wkoll minħabba l-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet” qalet Dalli.

Id-diskussjoni fil-Parlament Ewropew saret fl-isfond tat-tensjoni u l-vjolenza kontinwa li teżisti fil-Libja fl-isfond ta' rapporti li estremisti Iżlamiċi tal-IS ħadu taħt idejhom belt ewlenija.

Dwar l-immigrazzjoni illegali Dalli appellat lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jaħdmu flimkien bis-serjetà llum qabel għada, "iċ-ċittadini qed jgħidulna li m'hemmx ħeġġa biex jinbidlu l-affarijiet," sostniet.

Miriam Dalli għamlet appell dirett lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, "ejja nimplimentaw dak li ilna nitkellmu dwaru", u semmiet tliet proposti ewlenin. L-ewwel, politika komprensiva li tinkludi koperazzjoni ma' pajjiżi terzi. It-tieni, strateġija li tinkludi żoni li bħalissa huma f'kunflitt bħal-Libja u s-Sirja u t-tielet reviżjoni tar-regolamenti ta' Dublin.

Temmet tgħid li b’dawn l-miżuri biss nistgħu verament nindirizzaw bis-serjetà problema li għal żmien twil bqajna biss ċassi quddiemha.

More in Politika