"Dawn huma wegħdiet miksura" - Roberta Metsola

Metsola ssejjaħ għat-twettiq tal-wegħdiet miksura fuq l-immigrazzjoni

Roberta Metsola
Roberta Metsola

"Hemm bżonn ningħaqdu u ninsistu fuq bidla konkreta. Kwalunkwe ħaġa inqas minn hekk tkun tfisser li nkunu qed nevitaw ir-responsabbiltà" - Roberta Metsola

"Sena ilu, kollha kemm aħna konna hawnhekk, u wegħedna li din kienet se tkun l-aħħar darba: Li l-Mediterran qatt mhu se jerġa' jsir ċimiterju ta' persuni miksurin u ħolm miksur. Sena wara, erġajna qegħdin hawnhekk wara li kważi 500 ruħ sfaw maqtula mit-traffikanti, huma u jaqsmu l-Mediterran; hemm bżonn li nagħmlu aktar, ħafna aktar," qalet Dr Metsola.

Sena wara li l-Parlament Ewropew ftiehem fuq riżoluzzjoni dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran, Roberta Metsola, Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta, sostniet li ċ-ċittadini tal-Ewropa qegħdin jistennew aktar minn dawk l-istess kliem li jxerrdu l-istess wegħdiet miksura.

Hija u tindirizza l-Parlament Ewropew wara li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku tkellem aktar kmieni fil-ġurnata u għamel sejħa biex l-UE ma ddawwarx "il-Mediterran f'ċimiterju", Dr Metsola saħqet dwar il-bżonn li l-MPE jingħaqdu u jinsistu fuq il-bidla konkreta. "Kwalunkwe ħaġa inqas minn hekk tkun tfisser li nkunu qed nevitaw ir-responsabbiltà."

Ir-riżoluzzjoni li vvotaw fuqha l-MPE is-sena li għaddiet ġiet wara t-traġedja qrib il-gżira ta' Lampedusa, meta aktar minn 350 persuna tilfu ħajjithom hekk kif kienu qed jippruvaw jaslu l-Italja.

Dr Metsola nnotat li r-riżoluzzjoni kellha sservi bħala roadmap biex il-Kummissjoni Ewropea u l-iStati Membri finalment jieħdu azzjoni, jipprovdu approċċ ħolistiku lejn l-immigrazzjoni, u jmorru wara t-traffikanti, imma l-Gvernijiet ma ħadux biżżejjed azzjoni.

Hija għamlet enfasi dwar il-bżonn li r-riżoluzzjoni li l-MPE se jkunu qed jivvotaw fuqha x-xahar li ġej tisħaq fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, tiżgura approċċ olistiku lejn l-immigrazzjoni u tindirizza s-sistema Ewropea dwar l-ażil. "Kull min jaħseb li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni tista' tissolva mingħajr approċċ olistiku u komprensiv mill-UE mhux qiegħed japprezza l-isfida li qed niffaċċjaw," żiedet tgħid Dr Metsola.

Hija appellat lil kulħadd biex iwarrab l-objettivi partiġġjani u jinsisti fuq azzjoni konkreta. "Inkella, se nkunu hawnhekk minn hawn u sena oħra, nitkellmu dwar id-dispjaċir tagħna wara li aktar persuni jkunu għerqu fl-ibħra tagħna."

More in Politika