Il-GWU ma tagħmel l-ebda differenza jekk il-ħaddiema jkunux Maltin jew barranin

Il-każ tal-Maniġment ta’ Leisure Clothing m’għandux jibqa' sieket

Il-GWU tikkundanna kull sfruttament ta' ħaddiema
Il-GWU tikkundanna kull sfruttament ta' ħaddiema

Il-General Workers’ Union tinsisti li l-maniġment tal-kumpanija Leisure Clothing m’għandux jibqa’ sieket quddiem l-allegazzjonijiet serji li qed isiru dwar skjavitù u kundizzjonjiet inumani fir-rigward ta’ ħaddiema Asjatiċi fil-kumpanija.
Il-GWU mhux biss tikkundanna kategorikament bil-kliem l-isfruttament tal-ħaddiema kollha, dejjem u kullimkien, iżda taħdem bil-qawwa kollha kontrieh. Dan tixhdu l-ġlieda qawwija kontra l-prekarjat, li kienet il-unjin li tat bidu ghaliha fil-pajjiż u li għadha għaddejja biha.
Barra minn hekk, ghall-Unjin ma taghmel l-ebda differenza jekk il-ħaddiema jkunux Maltin jew mhux Maltin, kif jixhdu każijiet fejn iddefendiet ħaddiema Pakistani fl-Isptar Mater Dei li kellhom kundizzjonijet li wieħed jista’ jipparagunahom ma’ skjavitù, lill-ħaddiema Filippini li kienu qed jiġu abbużati hawn Malta, u lill-ħaddiema barranin, speċjalment Asjatiċi, li jkunu qed jaħdmu fuq vapuri li l-kundizzjonjiet tagħhom jistgħu faċilment jixxebbhu ma’ skjavitù.
L-Amministrazzjoni Ċentrali tal-GWU dalgħodu kellha laqgħa mar-rappreżentant tal-ħaddiema tal-kumpanija Leisure Clothing, li stqarrew li, waqt li jkunu għax-xogħol, qatt ma raw lil xi ħaddiema Asjatiċi jiġu ttrattati ħażin jew b’mod li jista’ jitqies diżuman jew skjavitù. Din l-istess stqarrija għamluha wkoll il-ħaddiema kollha tal-kumpanija waqt laqgħa li kellhom ilbieraħ mas-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni, Paul Bugeja. Minkejja dan, il-GWU tħeġġeġ lill-pulizija biex ikomplu għaddejjin bl-istħarriġ tagħhom sabiex, jekk verament qed jitwettqu dawn it-tip ta’ abbużi, jinqabad min hu responsabbli u jħallas għal għemilu.
Bhalma ilha tagħmel minn mindu ħarġu l-allegazzjonijiet fil-mezzi tax-xandir, il-GWU se tkompli ssegwi dan il-kaz mill-qrib sabiex tara li jiġu mħarsin l-interessi tal-ħaddiema.
 

More in Politika