Nesa fejn nefaq flusu

Alex Tranter, eks Chairman tal-Enemalta ġie akkużat b’nefqiet eżorbitanti mill-kont tal-Enemalta

Alex Tranter, l-eks ċermen tal-Enemalta, dalgħodu ġie akkużat b’użu ħażin tal-finanzi tal-korporazzjoni f’konnessjoni man-nefqa eżorbitanti mill-karta tal-kreditu tal-Enemalta.

Tranter, li għandu 51 sena, mis-Swieqi, serva ta’ ċermen mhux eżekuttiv tal-korporazzjoni bejn l-2005 u l-2010 wara li ħa post Tancred Tabone.

F’isem ix-xhieda, l-Ispettur Jonathan Ferris spjega li waqt li kien fl-irwol tiegħu, Tranter allegatament nefaq ammont sostanzjali fuq safar barra mill-pajjiż, l-ispejjeż kienu koperti mill-karta tal-kreditu tal-Enemalta li kienet għand Tranter.

Tranter kien beda jiġi investigat f’Mejju tal-2014, wara li audit ġibed l-attenzjoni ta’ ċertu nefqiet li saru waqt li hu kien ċermen. L-akkuża tiegħu iżda m’għandix x’taqsam mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt.

Fit-testimonjanza tiegħu, l-ispettur spjega li f’Ottubru 2007, intqal li Tranter nefaq LM1,035 f’Miami bil-karta tal-kreditu tal-Enemalta, u b’kuntrarju għar-regolamenti tal-Enemalta, qatt ma daħħal l-irċevuti.

Meta Tranter kien mistoqsi dwar din in-nefqa, qal li ma setax jiftakar fiex nefaq flusu imma pponta subgħajh lejn id-dipartiment tal-finanzi talli ma kellhomx irċevuti.

Iktar minn hekk, Tranter kien allegat li nefaq €540 biex jixtri mobile u LM1,035 biex jixtri laptop tas-Sony mill-flus tal-kumpanija.

L-ispettur qal ukoll li fl-2008, minkejja li ma kienx fuq il-lista uffiċjali għas-safar, Tranter mar Brussell u Londra u uża l-karta tal-kreditu tal-Enemalta biex ikopri l-ispejjeż tiegħu.

“Għalkemm ma kienx fuq il-lista uffiċjali tas-safar tal-Enemalta, Tranter ġibed £200 minn ATM fl-Ajruport ta’ Gatwick f’Londra.

“Matul l-interrogazzjoni, Tranter qal lill-Pulizija li hu ma setax jiftakar kif nefaq dawk il-flus imma insista li ma kinitx l-ewwel darba li kien fuq vjaġġ personali u spiċċa jaħdem fuq affarijiet relatati mal-Enemalta,” qal Ferris.

L-ispettur qal ukoll li fl-2010, Tranter attenda l-forum International Petroleum f’Londra flimkien ma’ żewġ uffiċjali tal-Enemalta, l-Inġinier Janice Mercieca u CFO Antoine Galea, u l-assistenta personali ta’ Tranter, Bronia Mercieca.

“Waqt li l-uffiċjali qagħdu fil-Holiday Inn, Tranter u Mercieca qagħdu fi kmamar differenti fil-Hilton,” qal.

L-ispettur spjega li Bronia Mercieca kienet fuq vacation leave u staqsiet lil Tanter biex takkumpanja lid-delegazzjoni għax qatt ma kienet marret Londra qabel.

Minkejja li kienet fuq vaganza, Mercieca attendiet laqgħa ta’ negozju li damet sagħtejn, u ġie allegat li qalet lil Tranter iħallsilha għall-akkomodazzjoni tagħha bħala sinjal ta’ gratitudni.”

L-Avukat tad-difiża Joe Giglio, qal li l-prosekuzzjoni għadha ma pprovdietx provi li Tranter nefaq il-flus tal-Enemalta għall-użu personali tiegħu. Giglio qal li hija responsabbiltà tal-prosekuzzjoni li tagħmel dan.

“Il-fatt li Tranter ma kienx fuq xogħol meta ġibed il-flus mill-ajruport ta’ Gatwick ma jfissirx li ma setax jattendi xi laqgħa ta’ negozju bla mistenni,” qal Giglio.

Iktar minn hekk, id-difiża, sarkastikament, staqsiet jekk il-prosekuzzjoni kinitx qed tkun serja meta akkużat lil Tranter li ħallas għall-akkomodazzjoni tal-assistenta personali tiegħu, fejn qal li din attendiet għal-laqgħa minn jeddha.

L-Ispetturi Jonathan Ferris u Ian Abdilla mexxew il-prosekuzzjoni, waqt li l-Avukati Michael u Lucio Sciriha kienu parte civile.

L-Avukat Joe Giglio ddefenda l-akkużat.

Il-każ jaġġorna fis-17 ta’ Novembru.

More in Politika