30% jivvutaw kontra l-kummissarji Ewropej

Juncker jibda fuq sieq ħażina u l-ewro xettiċi Ingliżi jheddu li sa ħames snin oħra jkunu barra mill-ewropa

Is-27 kummissarju tal-Unjoni Ewropeja ġew approvati b'423 vot favur, 209 vot kontra u 67 astensjoni. Dan ifisser li 30% m'approvawx lill-kummissarji, u kważi 10% astjenew u dawn il-kummissarji ġew approvati b'60 fil-mija biss tal-Parlament Ewropew. Dan kollu jfisser li Juncker naqqas ħafna mis-saħħa li kellu Barroso fil-parlament meta kienu biss 20% li vvutaw kontra u l-istess perċentwal li astjenew.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropeja qal li hu għandu kuntratt mal-Parlament u se jirrispettah. Filwaqt li xejn ma kien kuntent li fost it-28 kummissarju kienu biss 8 li ġejjin mill-kamp femminili. Hu fisser din is-sitwazzjoni bħala waħda patetika.

Juncker tkellem dwar il-bidliet fid-dekasteri tal-kummissarji filwaqt li qal li se jżomm l-proposta tal-pakkett ta' investiment ta' 300 biljun ewro. L-Ewroxettiku Ingliż, Nigel Farage (EFDD,UK) qal li n-naħa tiegħu tal-parlamentari Ewropej se jibqgħu jivvutaw kontra din il-forma anti-demokratika ta' gvern. "Din hi l-aħħar kummissjoni Ewropeja li se tiggverna fuq il-Gran Brittanja, għax lejn tmiem il-ħames sena aħna nkunu barra mill-Ewropa," qal Farage.

L-ewro xettiku Awstrijakk tal-partit marbut mal-ebda naħa, Harald Vilimsky (NI,AT) qal, "Bħalma ma bkejniex it-tluq ta' Barroso, lanqas aħna kuntenti b'Juncker bħala president. Għax it-tnejn li huma mhux kandidati tal-poplu iżda jirrapreżentaw lit-teknokrazija."

 

 

More in Politika