Comodini Cachia f’kumpanija li tippromwovi ċ-ċittadinanza

L-MEP l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, li riċentament kienet tirrappreżenta kumpanija rivali ta’ Henley & Partners, issa tifforma parti minn ditta legali li fil-ġimgħat li għaddew saret aġent għall-programm tal-ogħti taċ-ċittadinanza b’investiment.

Therese Comodini Cachia
Therese Comodini Cachia

Comodini Cachia qed tirrappreżenta lill-kumpanija Arton Capital - rivali ta’ Henley & Partners – li qed tikkontesta d-deċiżjoni tal-għoti tat-tender lill-istess Henley fil-Qorti.
Qabel, Arton Capital kienet rappreżentata wkoll mid-ditta legali ta’ Francis Zammit Dimech.
Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista – li kellu lil Comodini Cachia u lil Zammit Dimech bħala tnejn mill-kandidati - kien qed jesiġi li l-gvern jippubblika d-dettalji tal-kuntratt ma’ Henley & Partners, il-kumpanija rivali ta’ Arton Capital.
Issa jirriżulta li Comodini Cachia ngħaqdet ma’ Saga Juris, kumpanija legali li qed tippromovi l-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Vladimir Comodini sieħeb fid-ditta RMS

Din il-gazzetta hi infurmata li anke r-raġel tagħha, Vladimir Comodini, huwa sieħeb fid-ditta RMS Malta li hi wkoll waħda mill-aġenti tal-IIP.
Dan mhux l-ewwel darba li esponenti tal-Partit Nazzjonalista - li kkritika bl-aħrax il-programm taċ-ċittadinanza – jibdew jagħmlu parti minn ditti legali li jippromwovu dan il-programm.
Il-President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista Ann Fenech tifforma parti minn ditta legali li ngħatat il-liċenzja li tressaq applikanti interessati f’dan il-programm.
Fil-passat, Fenech kienet ċaħdet li hemm kunflitt ta’ interess bejn id-dikjarazzjonijiet tagħha kontra l-IIP u l-interess kummerċjali tad-ditta Fenech & Fenech.
“Id-ditta legali Fenech & Fenech hija organizzazzjoni mdaqqsa li tispeċjalizza f’aktar minn settur wieħed. Jien m’iniex responsabbli minn dak li għandu x’jaqsam mal-IIP, hekk kif jien nispeċjalizza l-aktar fil-liġi marittima kif jaf kulħadd,” kienet qalet Fenech lil MaltaToday.
Filwaqt li Henley & Partners għandhom il-konċessjonarji uffiċjali tal-IIP, wara bidliet li saru fil-programm taċ-ċittadinanza, negozji u persuni oħra jistgħu jressqu huma applikanti prospettivi għaċ-ċittadinanza.
Identity Malta tista’ tagħti liċenzji lill-persuni akkreditati biex jagħmlu dan, bi ħlas ta’ €1,500 għall-applikazzjoni u l-istess ammont kull sena bħala tiġdid tal-liċenzja.
Huma jkunu mitluba wkoll garanzija ta’ miljun ewro u jingħataw aċċess għal sistema ta’ monitoraġġ online.
Biex wieħed jikseb iċ-ċittadinanza, irid iħallas €650,000 u jixtri bonds valur ta’ €150,000. Minbarra dan, irid jixtri propjetà b’valur minimu ta’ €350,000 u jħallas lid-ditti legali li jkunu ressqu l-applikazzjoni f’isimhom.

 

More in Politika