Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

ATMs 'jitkellmu' bħala għajnuna għall-persuni neqsin mid-dawl

Il-bank HSBC iniedi ATMs li jaħdmu permezz tal-vuċi biex dawn ikunu jistgħu jintużaw faċilment minn persuni nieqsa mid-dawl

Staff Reporter / 9 ta' Marzu 2017 12:20
Bħala parti mill-impenn tal-bank li jagħmilha kemm jista’ jkun faċli biex il-klijenti kollha jinqdew mill-bank,  b’konvenjenza permezz tat-teknoloġija, HSBC installa teknoloġija li taħdem permezz tal-vuċi fl-ATMs kollha tiegħu f’Malta u Għawdex. B’hekk, persuni nieqsa mid-dawl jistgħu faċilment jużaw dawn il-magni għall-esiġenzi bankarji tagħhom.

L-ATMs kollha għandhom audio jack fejn il-klijenti jistgħu jdaħħlu l-headset tagħhom biex jisimgħu l-istruzzjonijiet bil-Malti jew bl-Ingliż. Waqt li jkun qed isir dan, l-iskrin tal-ATM jintefa’ biex ikun żgurat li jkun hemm sigurtà u privatezza għall-klijent. L-ATMs tal-HSBC li jitkellmu jinkludu servizzi ta’ ġbid u depożiti ta’ flus. Barra minn hekk, l-ATMs kollha tal-HSBC joffru l-għażla li tkabbar id-daqs tat-tipa li tidher fuq l-iskrin. Dan is-servizz hu utli ħafna għal persuni anzjani jew għal dawk li għandhom nuqqas ta’ vista.

It-tlestija ta’ dan il-proġett mifrux man-network kollu tal-HSBC hu konformi mal-impenn li l-Bank ħa fl-2016 meta organizza għadd ta’ sessjonijiet prattiċi biex juri lill-klijenti kif jistgħu jużaw din is-sistema. Dawn is-sessjonijiet kienu organizzati bil-ko-operazzjoni tal- Għaqda Maltija Persuni Neqsin mid-Dawl, Gozo Aid for the Visually Impaired, Torball Society of the Blind, u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabilità.

Dan Robinson, il-Kap tar-Retail Banking and Wealth Management, qal: “Din hi inizjattiva oħra li jien u l-bank kburin biha. Aħna impenjati li nagħmluha faċli kemm jista’ jkun biex il-klijenti tagħna jinqdew b’mod sempliċi u konvenjenti. Kellna rispons tajjeb ħafna fuq kif jaħdmu t-Talking ATMs tagħna. Għalhekk hi tassew ħaġa pożittiva li nistgħu naġixxu biex naqdu aħjar il-bżonnijiet tal-klijenti tagħna permezz ta’ din it-tekonoloġija.” 

Oliver Scicluna, Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, qal: “Nemmen li l-Bank HSBC Malta għamel biċċa xogħol eċċellenti biex jiżgura li jingħata aċċess sħiħ lill-utenti kollha tal-ATMs tagħhom inklużi persuni nieqsa mid-dawl. Din turi li minbarra l-obbliġi legali tiegħu, il-Bank qiegħed tassew jindirizza l-aspett soċjali.”

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook