Air Malta toffri aktar minn 14,000 post bl-prezz ta’ 44 euro

L-offerta tal-Air Malta tintemm fi żmien 3 ijiem minn għada filgħodu sa nhar il-Ġimgħa

L-Air Malta għadha kif nediet roħs promozzjonali għal perjodu limitat fuq titjiriet li jibdew minn 44 euro f’direzzjoni waħda, inklużi t-taxxi u l-imposti. Qed jiġu offruti aktar minn 14,000 post fuq 22 destinazzjoni għal vjaġġi bejn il-5 ta’ Jannar u t-30 ta’ April 2016.
 
Ir-roħs huwa miftuħ għal 72 siegħa biss li jibdew nhar it-Tlieta 5 ta’ Jannar fid-9:00am sal-Ġimgħa 8 ta’ Jannar fit-8:59am. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-websajt tal-Air Malta www.airmalta.com, miċ-ċentru tat-telefonati fuq +356 21662211 u l-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
 
Il-wasliet lejn il-Gżejjer Maltin qegħdin jiżdiedu xahar wara xahar mhux biss fis-sajf iżda wkoll matul is-sena. Il-gżejjer qegħdin jattiraw aktar viżitaturi minn qatt qabel għal waqfa qasira, hekk kif titjiriet aktar frekwenti u vjaġġaturi aktar sofisftikati jiskopru li Malta ma toffrix biss xemx u baħar, speċjalment fix-xitwa.
 
Il-gżejjer Maltin kienu mbierka b’temp il-ġmiel tiegħu matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru, b’temperaturi medji ta’ kuljum li laħqu t-18 u l-15-il grad Celsius rispettivament. Is-sħana tax-xemx Mediterranja, iċ-ċarezza tal-baħar Mediterran u t-tbissima ta’ merħba tal-poplu Malti ilhom jiġbdu l-qlub tal-viżitaturi għal snin, iżda dawn il-gżejjer żgħar joffru wkoll firxa ta’ attrazzjonijiet u attivitajiet imżewqa għal dawk li jfittxu ħarba qasira mid-diqa tax-xitwa.
 
Minn nightclubs tal-aħħar moda, għal monumenti qodma u wirt impressjonanti antik sekli ta’ arti u kultura, Malta toffri xi ħaġa għall-gosti ta’ kullħadd. Hija ideali għal vaganzi ta’ tmiem il-ġimgħa, fejn wieħed jista’ jistrieħ f’xi waħda mill-ħafna lukandi li jinsabu inqas minn siegħa l-bogħod mill-post tal-wasla.
 
Il-promozzjoni tal-linja tal-ajru hija disponibbli fuq titjiriet lejn u minn Amsterdam, Ateni, Berlin, Brussell, Budapest, Catania, Düsseldorf, Frankfurt, Ġinevra, Ħamburg, Londra, Lyon, Manchester, Marsilja, Milan, Moska, Munich, Pariġi, Ruma, Vjenna u Zurich.
 
Il-postijiet huma soġġetti għad-disponibbiltà. Jistgħu japplikaw termini u kundizzjonijiet. Għal aktar tagħrif żur www.airmalta.com, jew idħol fuq www.facebook.com/AirMalta .
 
L-Air Malta topera skeda ta’ titjiriet b’ħinijiet konvenjenti lejn u minn ajruporti ta’ bliet ewlenin, u toffri aċċess u konnessjonijiet faċli bi skeda ta’ titjiriet affidabbli. Flimkien mal-linji tal-ajru msieħba, l-Air Malta toffri netwerk ta’ aktar minn 100 destinazzjoni. Il-linja tal-ajru Maltija tibqa’ impenjata li toffri prezzijiet b’valur għall-flus u servizz superjuri kemm fil-kabini economy class kif ukoll fil-business class.
 
Il-linja tal-ajru toffri wkoll lill-klijenti l-faċilità b’xejn ta’ hand luggage ta’ 10kg u bagalja waħda ta’ 20kgs anki fuq l-orħos biljetti tagħha “Simply Fly”.
 
Il-passiġġieri tal-Business Class jingħtaw faċilità ta’ żewġ biċċiet ta’ hand luggage b’piż totali ta’ 15-il kilo u sa żewġ bagalji (massimu ta’ 64 kilo) għall-klijenti “Business Anytime”.

More in Kummer?jali