Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Bl-Airbnb: F'Malta mhux dejjem jaqbillek...f'Għawdex u pajjiżi oħra jaqbillek

Lukandiera madwar id-dinja f’battalja ta’ prezzijiet mas-sit airbnb

John Busuttil / 28 ta' Settembru 2015 07:16
Dan l-aħħar, il-President tal-MHRA Tony Zahra wera tħassib serju dwar kif, skontu, il-kumpanija li topera onlajn, l-Airbnb, qed tnaqqar mix-xogħol tal-lukandiera. Permezz ta’ dan is-sit apposta onlajn persuna tkun tista’ tagħmel booking, f’wieħed minn eluf kbar ta’ appartamenti, djar jew anke vilel għall-vaganza tagħhom. Is-sit, apparti li jitlob is-soltu dettalji, jagħti wkoll l-għażla lil min ikun sejjer fuq vaganza biex jibbukkja akkomodazzjoni li tista’ tiswik minn €9 biss u tist’a titla sa madwar €1,000. 

Jidher li lil-lukandiera mhux il-kompetizzjoni qed iddejjaqhom l-aktar, iżda l-fatt li jista’ jkun hemm kundizzjonijiet inugwali fis-suq, fejn qed jgħidu li liċenzja għal lukanda titlob diversi regoli, liċenzjar, verifiki u sistemi ta’ prevenzjoni, filwaqt li għal dawk li jiddeċiedu li jikru l-appartament jew id-dar tagħhom, ikun hemm ftit li xejn x’jorbothom.

Jibqa l-fatt li t-turist li jrid jiffranka l-flus meta jżur pajjiż, ma jħarisx wisq lejn ir-regoli iżda lejn il-kumditajiet, il-lokalità u l-prezz. L-ILLUM iddeċieda li jagħmel ftit riċerka dwar jekk jaqbillekx li tikri appartament minn fuq is-sit Airbnb inkella jaqbillekx li tmur f’lukanda. Fittixna li, kemm jista’ jkun, il-paragun ikun simili, fil-fatt rajna li l-lokalità tkun bejn wieħed u ieħor kważi fl-istess pożizzjoni: fiċ-ċentru, u viċin il-baħar, fejn tidħol Malta u Għawdex. Fittixna li kollha jkollhom internet wifi, arja kkundizzjonata, heating u anke fire extinguisher.

Fil-każ tal-appartamenti jew id-dar li tinkera, ridna naraw li l-booking ma jkunx bi kmamar ‘shared’ iżda li persuna jikri l-appartament jew dar kollha kemm hi. Il-prezzijiet tal-lukandi ħadnihom mis-sit tal-internet Booking.com.

Dawn qabbilnihom mal-prezzijiet tal-lukandi ta’ tlieta jew  erba’ stillel fl-istess lokalità u għamilna booking fittizju għall-fini ta’ paragun. Id-dati li għażilna kienu bejn l-1 u t-8 ta’ Novembru 2015 u fittixna akkomodazzjoni f’Għawdex, Malta, Londra u Ruma.

Interessanti l-fatt li f’dawk iż-żminijiet, jaqbillek tikri permezz tal-Airbnb f’Għawdex, Londra u Ruma, iżda f’Malta jaqbillek toqgħod f’lukanda u mhux f’appartament mikri mill-istess sit. Fi ftit kliem, hemm fejn jaqbillek u hemm fejn le. Ta’ min wieħed jinnota li l-booking sar fl-istaġun turistiku l-aktar dgħajjef u għalhekk, il-prezz tal-akkomodazzjoni jkun fl-irħas tiegħu

 

Marsalforn  Għawdex:
  • Appartament b’żewġ kmamar tas-sodda quddiem il-baħar bil-wifi internet, arja kundizzjonata u heating €319
  • Lukanda 3 stilel: għall-arja kundizzjonata trid tħallas extra u internet issibu biss iż-żoni pubbliċi u bil-kolazzjon inkluż  €378           


San Pawl-il Baħar:
  • Dar b’kamra tas-sodda waħda quddiem il-baħar b’kull kumdità, arja kundizzjonata, wifi u heating  €360
  • Lukanda 3 stilel mingħajr arja kundizzjonata, 5 minuti mixi sal-baħar, wired internet bi ħlas u bil-kolazzjon €186
  • Lukanda 4 stilel bi swimming pool interna b’kull kumdità kollha u bil-kolazzjon  €190


San Ġiljan:
  • Appartament modern b’kull amenità possibbli u b’wifi b’kamra tas-sodda waħda, żewġ minuti bogħod minn quddiem il-baħar u qrib Paceville  €416
  • Lukanda 4 stilel f’pożizzjoni eċċellenti bejn San Ġiljan u Paceville inkluż il-kolazzjon u wifi  €420


Londra:
  • Appartament modern u lussuż viċin Hyde Park, bil-wifi  €931
  • Lukanda 2 stilel ħdejn Hyde Park bil-kolazzjon, bil-wifi  €1121
  • Lukanda 3 stilel f’pożizzjoni fl-istess lokalita bil-kolazzjon, bil-wifi  €1482


Ruma:
  • Appartament viċin Piazza di Spagna, wifi €594
  • Lukanda 3 stilel fl-istess lokalità u bil-kolazzjon, wifi €1227                                                                    


Wieħed jeħtieġ jifhem li d-dinamika tad-dinja tal-ivjaġġar qed tinbidel, fejn ħafna turisti minn madwar id-dinja qed jagħżlu li jivjaġġaw bl-inqas spejjeż possibbli u qed iħarsu aktar lejn il-prezzijiet, sew tal-ajru kif ukoll tal-akkomodazzjoni.

Dan ma jfisser bl-ebda mod li s-settur tal-lukandi nieżel, għax għad hawn ħafna eluf li meta jsiefru jridu jkunu imfissdin, b’kolazzjon tajjeb lest, u persuni li jagħmlulu s-sodda u jnaddfulu l-kamra.

Iżda l-lukandi, speċjalment dawk Għawdxin, biex jikkompetu, jista’ jkun li jkunu kostretti jaqtgħu xi forma tad-dħul, bħal per eżempju ħlas extra għall-wifi jew anke xi depożiti li jistgħu jlaħħqu €50 “għal dak li jista jinqala’”.

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook