Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

In Lazzaretto

Rumanz ġdid ippubblikat mill-Merlin Publishers

25 t'Awwissu 2015 11:32
L-istorja ta’ Malta tul il-millennji għamlet ta’ sfond maestuż għal ħafna rumanzi fil-letteratura kemm Maltija kemm dinjija. Iżda meta nitfgħu ħarsa tul l-aħħar seklu, nindunaw b’nuqqas: id-deċennju tal-ħamsinijiet, l-aħħar snin qabel l-Indipendenza, ftit li xejn huwa rrakkontat fil-letteratura.

Dak in-nuqqas jiġi indirizzat f’rumanz ġdid ippubblikat mill-Merlin Publishers: In Lazzaretto, rumanz bl-Ingliż miktub minn Jenny Wilson. Wilson kienet tgħix Malta propju fil-ħamsinijiet meta missierha, li kien uffiċjal fin-Navy Ingliża, kien ibbażat f’pajjiżna.

Dan ir-rumanz isib postu f’kategorija li qed tikber ġmielha tul dawn l-aħħar snin, ċoè l-letteratura Maltija miktuba bl-Ingliż.

In Lazzaretto huwa rumanz dwar il-ħajja u l-imħabba ġewwa ċrieki ta’ soċjetà Ingliża f’Malta, soċjetà irregolata u marbuta minn konvenzjonijiet soċjali qawwija. Ix-xena hija dik tal-ewwel snin tal-ħamsinijiet, f’Malta. Il-bażi navali hija ċ-ċentru tal-attenzjoni fil-portijiet u l-palazzi Maltin. Iżda wara dawn il-faċċati ta’ divertiment u dwal, hemm intriċċi ta’ sigrieti u spiji. F’soċjetà mmexxija minn protokoll strett, il-bidla tbeżża’ lil ħafna.

Philip Wayland, kittieb żagħżugħ, jissaħħar wara l-kuġini anti-konvenzjonali Maddie u Debba Shaftoe. U minn hemm jinbet it-tradiment. Mitluf bejn il-passjoni għal Maddie u l-kompassjoni li jħoss għal Debba, Wayland jagħmel għal Alick Hoyt, l-uffiċjal navali li Wayland iżomm responsabbli għall-iskandlu li jqum madwar iż-żewġ tfajliet. Hoyt, bniedem li ma jħobbx il-bidla, jiġġieled u ma jħallihiex għaddejja.

In Lazzaretto huwa rumanz perfett għas-sajf, storja b’atmosfera romantika u ta’ pajjiż li nbidel u li m’għadux jingħaraf minn kif kienet fil-ħamsinijiet. Il-kitba ta’ Wilson tkompli tagħti preġju lil dan ix-xogħol. Il-ħamsinijiet jerġgħu jieħdu l-ħajja: il-palazzi tar-Rabat u l-Imdina, il-festini tan-Navy Ingliża, is-sjuf imħeddla u l-intriċċi moħbija.

In Lazzaretto jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, kif ukoll online direttament minn www.merlinpublishers.com

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook