Impjegati ta’ Banif Bank iċċertifikati fil-Cash Handling

L-għan tal-proġett nazzjonali hu li jkun hemm aktar ġlieda kontinwa kontra l-iffalsifikar tal-flus

Ritratt: Mix-xellug: Simon Grech,, Adrian Coppini, Adriana De Carlo, Relationship Officer (kollha Banif Bank) u Alexander Demarco
Ritratt: Mix-xellug: Simon Grech,, Adrian Coppini, Adriana De Carlo, Relationship Officer (kollha Banif Bank) u Alexander Demarco

Erbgħin membru mit-tim ta’ Banif Bank temmew programm ta’ taħrig f’‘Professional Cash Handling’ imniedi bi sħab bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), bl-appoġġ tal-Malta Bankers’ Association.

L-għan ta’ dan il-proġett nazzjonali hu li jipprovdi lil dawk li jaħdmu bil-flus bil-mezzi meħtieġa biex ikunu ta’ kontribut siewi fil-ġlieda kontinwa kontra l-iffalsifikar tal-flus, il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. B’riżultat ta’ dan, il-ħaddiema kollha tal-Banif li xogħlhom jinvolvi kuntatt mal-flus għandhom aktar tagħrif fuq il-miżuri meħtieġa biex jimxu mal-aħħar regolamenti, filwaqt li jibqu’ jagħtu servizz tal-ogħla kwalità lill-klijenti tagħhom.

Il-preżentazzjoni taċ-certifikati saret fil-fergħa tal-Banif fin-Naxxar minn Alexander Demarco, Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Peter Paul Tabone, il-Kap tal-Operat tal-Muniti u Sigurtà fil-Bank Ċentrali u Manfred Galdes, Direttur tal-FIAU, fil-prezenza ta’ Adrian Coppini, Kap Eżekuttiv għas-Servizzi Korporattivi ta’ Banif Bank. Alexander Demarco qal “Din iċ-ċertifikazzjoni tirrappreżenta t-tieni fażi minn pjan ta’ tliet fażijiet, u tiffoka fuq Cash Handlers professjonali li jaħdmu f’istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Cash Handlers huma l-ewwel linja ta’ sigurtà fil-miżuri meħtieġa biex jintgħarfu flus foloz u jwaqqfu s-sistema finanzjara milli tkun użata għall-ħasil ta’ flus u attivitajiet kriminali. Dan il-proġett hu parti mill-oġġettivi tal-Bank Ċentrali u l-FIAU, u aħna kuntenti ferm bir-rizultati miksuba s’issa mill-istituzzjonijiet li qegħdin jieħdu sehem.”

“Il Bank jemmen fl-importanza li t-tim tiegħu ikun imħarreġ fl-aħħar prassi tal-industrija,” qal Adrian Coppini, Kap Eżekuttiv għas-Servizzi Korporattivi ta’ Banif Bank. “Nemmnu li b’dan il-kors, l-impjegati tagħna huma aktar intiżi biex jgħinu sabiex jipproteġu l-Bank u l-klijenti tagħna, kif ukoll l-ekonomija li fiha noperaw. L-oġġettiv ta’ din il-preżentazzjoni hu li nuru rikonoxximent ta’ dan it-tagħlim u biex nagħmlu enfasi fuq l-importanza li jsiru aktar magħrufa l-problemi li jiffaċċjaw istituzzjonijiet bħal tagħna fir-rigward ta’ riskju, ħasil ta’ flus u ffinanzjar ta’ terrorizmu.”

More in Kummer?jali