Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

BOV jikkonsolida l-appoġġ lejn l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu

 “F’għeluq is-sena minn meta beda l-programm ‘Aqra Miegħi’, dan laħaq aktar minn 10,000 tifel u tifla ta’ bejn l-età bejn 0 u t-3 snin, kif ukoll 12,000 ġenitur”

5 ta' Ġunju 2015 11:44
Waqt iċ-ċerimonja fil-Librerija Pubblika fil-Mosta
L-ewwel anniversarju tal-programm ‘Aqra Miegħi’ kien iċċelebrat nhar il-Ħadd 16 ta’ Mejju 2015 waqt ċerimonja li saret fil-Librerija Pubblika tal-Mosta. Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm is-Sur David Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Prof. Charles Mifsud, Direttur taċ-Ċentru għal-Litteriżmu fi ħdan l-Università ta’ Malta, is-Sur Mario Mallia, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, is-sur Oliver Mamo, Librar Nazzjonali u Kap Eżekuttiv tal-Libreriji ta’ Malta u s-Sindku tal-Mosta s-Sur Edwin Vassallo. 

Il-Programm ‘Aqra Miegħi’ jiffoka fuq il-litterimżu minn età ċkejkna u l-edukazzjoni tal-ġenituri, bil-għan li jimplimenta l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu li tenfasizza l-aspetti ‘interġenerazzjonali’ tal-edukazzjoni, kif imħeġġeġ mill-UNESCO. Il-programm jirrikonoxxi l-irwol kruċjali tal-familji u l-komunità inġenerali fit-titjib tal-livelli tal-litteriżmu, billi jħares lejn il-komunità sabiex tkun imkebbsa l-imħabba għall-qari sa minn età bikrija.

Fid-diskors tiegħu waqt din l-attività, Prof. Charles Mifsud spjega li “F’għeluq is-sena minn meta beda l-programm ‘Aqra Miegħi’, dan laħaq aktar minn 10,000 tifel u tifla ta’ bejn l-età bejn 0 u t-3 snin, kif ukoll 12,000 ġenitur.”  Huwa qal ukoll li, “Qegħdin jiġu organizzati sessjonijiet ta’ siegħa bla ħlas kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, darba fil-ġimgħa f’ħamsin ċentru madwar Malta u Għawdex.  Dan il-programm issa ser jiġi estiż permezz ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-libreriji Maltin u grazzi għall-appoġġ kontinwu ta’ Bank of Valletta.”

Is-Sur Mario Mallia spjega s-sodisfazzjon tal-Bank għall-progress li sar mill-programm ‘Aqra Miegħi’ minn meta ġie mniedi sena ilu filwaqt li rringrazzja lill-koordinaturi tal-programm u l-animaturi għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom li kienu kruċjali għas-suċċess ta’ dan il-programm.  Waqt li tkellem fuq l-involviment tal-Bank huwa spjega li “bħala l-bank ewlieni f’Malta, BOV għandu responsabilità lejn il-komunità li jopera fiha u għalhekk jibqa’ impenjat lejn il-missjoni ta’ responsabilità soċjali korporattiva tiegħu.”

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook