Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Sejħa ġdida għall-'Youth Specialisation Studies Scheme'

Skema għal dawk bejn it-18 u 30 sena li jridu jistudjaw barra minn Malta

Staff Reporter / 22 t'April 2015 10:31
Studenti ta’ bejn it-18 u t-30 sena li jixtiequ jkomplu jistudjaw barra minn Malta jistgħu, għal darb’oħra, jibbenefikaw mill-iskema tal-APS Bank imsejħa ‘Youth Specialisation Studies Scheme – YSSS’. Din l-iskema, li hi forma ta’ self b’imgħax baxx, hi possibbli permezz tal-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-APS Bank Ltd.
 
Din l-iskema tnediet nhar it-Tnejn 20 ta’ April fl-uffiċini tal-Aġenzija Żgħażagħ f’Santa Venera fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Miriam Teuma u l-Head Advances tal-APS Bank Edward Calleja.
 
Permezz tal-iskema YSSS, li ilha tkun imħaddma għal dawn l-aħħar għoxrin sena, aktar minn 370 student ġew mgħejjuna jagħmlu pass importanti ieħor fil-karriera akkademika tagħhom. Din is-sejħa ġdida tawgura li jkun hemm aktar studenti li jibbenefikaw minn din l-iskema, l-aktar dawk li qed jispeċjalizzaw f’dawn is-suġġetti: aerospace, saħħa u bioteknoloġija, produzzjoni ta’ logħob diġitali, ambjent, agrikoltura u studji marittimi, ħidma fost iż-żgħażagħ, sport, konservazzjoni tan-natura, l-arti u restawr speċjalizzat.
 
L-istudenti li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema jista’ jkollhom self ta’ bejn l-€10,000 u t-€30,000 li jistgħu jiġu mħallsa lura fuq perjodu massimu ta’ għaxar snin. L-iskema YSSS tkopri wkoll għadd ta’ servizzi bankarji addizzjonali bħal moratorju massimu ta’ ħames snin (skont it-tul tal-kors akkademiku magħżul) kif ukoll assigurazzjoni tal-ivvjaġġar b’xejn, VISA Debit Card b’xejn għall-ewwel sena u protezzjoni fuq l-akkwisti.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook