GO tkabbar il-qliegħ fl-ewwel nofs tal-2014

Iż-żieda fil-bejgħ ikkumpensat għall-impatt negattiv tat-tnaqqis li kompla jkun hemm fir-rati wholesale

Il-bejgħ tal-grupp ammonta għal €60.8 miljun
Il-bejgħ tal-grupp ammonta għal €60.8 miljun

Matul l-ewwel sitt xhur tal-perjodu li għalaq fit-30 ta’ Ġunju 2014, GO tat prestazzjoni b’saħħitha u solida, żiedet il-qliegħ operattiv qabel spejjeż meqjusa bħala mhux tas-soltu bi 13.3% għal €11.8 miljun u kisbet riżultati aħjar mill-medja internazzjonali għas-settur tat-telekomunikazzjoni. 

Id-dħul tal-grupp qabel l-imgħax, it-taxxa, id-diprezzament u l-amortizzazzjoni (EBITDA) u qabel spejjeż meqjusa bħala mhux tas-soltu, ammonta għal €24.3 miljuni, żieda marġinali fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. Il-bejgħ tal-grupp ammonta għal €60.8 miljun (2013: €60.5 miljun). Din il-prestazzjoni reżiljenti seħħet b’riżultat dirett ta’ strateġija ffukata u numru ta’ inizjattivi biex jitkabbar id-dħul filwaqt li l-ispejjeż ikunu kkontrollati.

Għalkemm is-suq tat-telekomunikazzjoni kompla jkun ikkaratterizzat minn kompetizzjoni iebsa f’kull settur, li wassal għal livelli aktar baxxi ta’ dħul bħala medja minn kull utent (ARPU), GO kellha prestazzjoni aħjar mix-xejriet internazzjonali u kompliet tkabbar il-bejgħ b’mod ġenerali fuq il-firxa tal-prodotti ewlenin tagħha.

Il-portfolio tal-prodotti tagħha, li dan l-aħħar kien imtejjeb u li jinkludi l-pakketti ta’ Limitless Mobile u Homepack, kompla bix-xejra pożittiva tiegħu. Punt ieħor sinifikanti hu li l-grupp kompla jkabbar il-bażi tal-klijentela tiegħu u issa jinkludi iktar minn 500,000 konnessjoni għall-prodotti ewlenin tiegħu. It-tkabbir hu mifrux u jinkludi numru ta’ setturi fosthom broadband, TV u mowbajl, u dan jikkumpensa għat-tnaqqis konsistenti tas-servizzi ta’ fixed voice tradizzjonali.

Iż-żieda fil-bejgħ ikkumpensat għall-impatt negattiv tat-tnaqqis li kompla jkun hemm fir-rati wholesale, b’mod partikolari minn rati ta’ terminazzjoni tal-mowbajl, u fir-rati ta’ ħlasijiet roaming mitluba mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni u l-Kummissjoni Ewropea rispettivament. 

More in Kummer?jali