Żewg irġiel arrestati b’rabta ma’ serqiet li wettqu fl-aħħar ġimgħat

L-irġiel, li huma minn Bormla qed jinżammu arrestati b’rabta ma’ ħames serqiet

L-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, kompliet tintensifika l-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ serqiet li twettqu fl-aħħar ġimgħat.

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex fis-sigħat illi għaddew ġew arrestati żewġt aħwa irġiel ta’ 40 sena minn Bormla. Huma qed jinżammu arrestati b’rabta ma’ ħames serqiet li allegatament seħħew bejn it-28 ta’ Diċembru 2019 u t-18 ta’ Jannar 2020.

Iż-żewġt irġiel se jkunu qed jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tan-12:30 pm, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello. Huma se jkun akkużati b’żewġ hold-ups li seħħew fiż-Żejtun, b'żewġ serqiet oħra waħda f’Ħal Tarxien u oħra f’Raħal Ġdid; u serqa oħra fuq anzjan fiż-Żejtun.

L-arrest ta’ dawn iż-żewġ persuni sar fid-dawl tal-arrest li l-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti għamlet fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd illi għadda.

Dwar dan il-każ, raġel ta’ 39 sena mill-Marsa tressaq il-Qorti nhar it-Tnejn illi għadda akkużat li wettaq sitt hold-ups bejn is-7 u s-16 ta’ Jannar, 2020, f’Ħal Qormi, f’Tas-Sliema, fil-Gżira u ieħor fl-Iklin. Ir-raġel qed jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. 

More in Kronaka