Jipprovaw jisirqulha l-baskett u jagħtuha daqqiet f'wiċċha għax bdiet tgħajjat għall-ajjut

Fl-istess triq f'Ta' Xbiex, ftit tal-ħin qabel, kienet għadha kemm seħħet serqa minn ħanut

Il-Pulizija qed tinvestiga żewġ serqiet li seħħew fl-istess triq u fi ftit minuti minn xulxin fi Triq Abate Rigord f’Ta’ Xbiex.

Jidher li l-ewwel serqa seħħet għall-ħabta tat-7:50am fejn irriżulta li raġel mgħammad u armat b’sikkina daħal f’ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera.

Ir-raġel ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti. Jidher li fil-ħin tas-serqa fil-ħanut kien hemm xi persuni oħra, iżda ħadd ma weġġa’.

Għall-ħabta tad-9:00am, mara ta’ 35 sena, residenti Raħal Ġdid, daħlet tirrapporta fl-Għassa tal-Imsida li meta kienet miexja fi Triq Abate Rigord, f’Ta’ Xbiex, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs, waqfuha żewġt irġiel mgħammdin u li ppruvaw jisirqulha l-handbag.

Jidher li waqt li l-vittma bdiet tgħajjat għall-għajnuna, wieħed mill-aggressuri beda jagħtiha f’wiċċha.

Persuna li kienet fil-viċinanzi għenet lill-vittma u l-aggressuri ħarbu minn fuq il-post

Xejn ma nsteraq. Il-vittma marret għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa minħabba xi ġrieħi li ġarrbet.

L-investigazzjonijiet fuq is-serqiet għadhom għaddejin u għadha għaddejja t-tfittxija għall-irġiel.

More in Kronaka