Żagħżugħ ta' 22 sena bi ġrieħi gravi wara li ttajjar minn karozza f’San Ġwann

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin. 

Żagżugħ Libjan ta' 22 sena residenti San Ġwann qed isofri minn ġrieħi ta' natura gravi wara li ttajjar minn vettura f'San Ġwann.

L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tad-9:00 am, bil-Pulizija tiġi nfurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha u dik medika ġewwa Triq in-Naxxar, San Ġwann minħabba li kienet ittajret persuna.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li mara ta’ 24 sena residenti San Ġwann, kienet qed issuq il-vettura meta għal xi raġuni laqtet il-Libjan.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil vittma l-isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka