Żewġ pulizija jispiċċaw l-isptar wara li ż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-vettura u baqa' dieħel fihom

Iż-żagħżugħ baqa' dieħel f'ħames vetturi oħra li kienu pparkjati

Żewġ uffiċjali tal-Pulizija weġġgħu wara li karozza oħra baqgħet dieħla fuq il-vettura tagħhom tard ilbieraħ filgħaxija, fi Triq il-Kbira San Ġużepp f’Santa Venera.

Mill-investigazzjonijiet jirriżulta li żagħżugħ ta’ 25 sena minn Raħal Ġdid kien qiegħed isuq vettura fid-direzzjoni ta’ Fleur-De-Lys, meta tilef il-kontroll tagħha u ħabat ma’ vettura oħra li kienet ipparkjata.

Mal-impatt, l-istess vettura spiċċat fuq in-naħa l-oħra tat-triq u ħabtet mal-vettura tal-Pulizija, b’din tal-aħħar tispiċċa fuq il-bankina.

Il-vettura taż-żagħżugħ reġgħet ħabtet ma’ vetturi oħra li kienu pparkjati fil-ġenb tat-triq.

Maż-żagħżugħ, fil-vettura, kien hemm tfajla.

Kemm iż-żagħżugħ u anke t-tfajla ma ġarrbu l-ebda ġrieħi, iżda ż-żewġ Pulizija ddaħħlu l-Isptar.

Jidher li ż-żagħżugħ rriżulta pożittiv għall-alkoħol meta sarlu t-test tal-breathalyzer.

More in Kronaka