Evakwati tliet immigranti minn fuq il-bastiment Alan Kurdi wara li ppruvaw iwettqu 'suwiċidju'

Dawn huma fost immigranti oħra li ġew evakwati fl-aħħar jiem minn fuq l-istess bastiment u li ddaħħlu Malta

Tliet immigranti ġew evakwati minn fuq il-bastiment Alan Kurdi wara li ppruvaw iwettqu suwiċidju.

It-tliet immigranti ddaħħlu Malta kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-4:30am.

Darrin Zammit Lupi, attivist u anke ġurnalista qal li t-tliet immigranti huma minuri.

Dan il-bastiment ilu diversi jiem bejn sema ilma jistenna li l-awtoritajiet Maltin jagħtuh permess biex jidħol fil-port.

L-NGO li tmexxi dan il-bastiment, Sea-Eye, saħansitra fetħet każ fil-Qorti bil-għan li l-Gvern ikun ordnat idaħħal l-immigranti. 

Bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, ħames immigranti, erbgħa minnhom tfal, ġew evakwati minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħithom.

Jidher li l-immigranti li ġew evakwati matul dan il-lejl ppruvaw jaqbżu l-baħar minkejja li ma jafux jgħumu.

More in Kronaka