Filmat | Rejd f'lukanda abbandunata f'Buġibba ffullata bl-immigranti

Aktar minn 100 immigrant inħarġu mill-binja b'mara tinstema' tiġġieled ma' raġel li kien fuq il-post u titolbu biex jagħtiha l-flus lura

Ritratt: Massimo Costa
Ritratt: Massimo Costa

Aktar minn 100 immigrant inħarġu minn lukanda abbandunata, magħrufa bħala l-Paloma Complex f’Buġibba u dan waqt rejd li seħħ kmieni dalgħodu.

Il-binja tinsab fi Triq il-Ġifen f'Buġibba, limiti ta' San Pawl il-Baħar u għal xi żmien serviet ukoll bħala residenza għal studenti Russi.

L-istess żona hija magħrufa li fiha jgħixu ħafna immigranti, tant li fl-istess triq u fil-madwar hemm diversi ħwienet li huma ffrekwentati jew inkella mmexxija minn immigranti stess.

'Jien tajtek il-flus...'

Intant, fuq il-post inġabru diversi persuni. Mara, li kienet residenti fil-lukanda, marret fuq wieħed mill-irġiel li kienu mal-Pulizija u bdiet tinstema' tisħaq miegħu li kienet tatu l-flus u li tridhom lura.

"Jien mhux kriminal," setgħet tinstema' l-mara tgħajjat.

L-istess raġel beda jinsisti magħha biex jidħlu jitkellmu ġewwa wara li nstema' jgħidilha li ma għandux il-flus għax tahom "lir-Russu."

Ritratti: Massimo Costa
Ritratti: Massimo Costa
Ritratti: Massimo Costa
Ritratti: Massimo Costa
Ritratti: Massimo Costa
Ritratti: Massimo Costa
Ritratt: Massimo Costa
Ritratt: Massimo Costa

Min hu s-sid?

Għalkemm dettalji għadhom mhux magħrufa, skont l-aħbarijiet tal-Istat, is-sid huwa Russu li jinsab maħrub minn Malta.

Jidher li dan huwa mfittex mill-Pulizija b'rabta ma' allegati reati oħra u anke frodi.

Għalfejn sar ir-rejd?

Mill-ftit tagħrif li għadu pubbliku, jirriżulta li r-rejd, mill-Pulizija mit-taqsima tal-immigrazzjoni u anke mir-Rapid Intervention Unit, sar wara rapporti li ħafna immigranti kienu qed jgħixu f'din il-binja, b'uħud minnhom kienu qed iħallsu madwar €200 fix-xahar.

Skont rapporti u anke persuni li kienu fuq il-post, f'kull kamra kienu qed joqogħdu madwar ħames persuni.

Fuq il-post kien hemm ukoll uffiċjali tas-sanità.

Kemm inħarġu immigranti?

Għadu mhux magħruf kemm inħarġu immigranti mill-blokka, għalkemm issejħu diversi vannijiet tal-Pulizija biex jgħabbu l-immigranti. Skont Pulizija li jinsabu fuq il-post, in-numru jaqbeż il-100 immigrant

Jidher li t-tfittxija qed tkompli f'partijiet jew binjiet oħra li jiffurmaw dan il-kumpless b'aktar immigranti jinħarġu u jittellgħu fuq il-vannijiet tal-Pulizija.

Il-Pulizija qed jinstemgħu wkoll jistaqsu għall-passaporti u l-permessi ta' residenza. Dawk li għandhom id-dokumenti neċessarji, tħallew quddiem il-binja, iżda ma jistgħux jidħlu fil-binja.

More in Kronaka