Raġel u żewġt itfal iweġġgħu f'inċident f'Ħal Lija

Illum waranofsinhar seħħ inċident li ħalla lil raġel u żewġ subien bi ġrieħi u l-isptar jieħdu l-kura

Illum għall-ħabta tal-4:00 a.m il-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident ġewwa Triq il-Mosta, Ħal Lija.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li Serbjan ta’ 47 sena residenti l-Gżira u żewġ subien ta’ 10 snin, sofrew xi ġrieħi meta ntlaqtu minn vettura tat-tip BMW li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 20 sena. Fuq il-post mar tim mediku li assista lil dawn il-persuni li ttieħdu permezz t’ambulanza l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.

Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji, filwaqt li wieħed mis-subien ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa. Il-ġrieħi tat-tifel l-ieħor għadhom pendenti. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. M. Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka