Sitta involuti f'inċident ... tnejn jindarbu

Inċident dalgħodu jħalli tnejn minn nies isofru minn ġrieħi gravi

Illum, għall-ħabta tal-4:00 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku bejn erba’ vetturi ġewwa Triq Sant’ Andrija, Pembroke.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-impatt seħħ bejn Volkswagen Passat misjuqa minn raġel ta' 42 sena residenti l-Isla, Fiat 500 misjuqa minn mara ta’ 21 sena residenti Swieqi, Toyota Yaris misjuqa minn raġel Taljan ta’ 33 sena u residenti Raħal Ġdid u Nissan Micra misjuqa minn mara ta’ 23 sena.

Fit-Toyota Yaris, kien hemm ukoll tfajla Taljana ta’ 17-il sena residenti l-Għargħur, tfajla oħra ta’ 17-il sena residenti San Pawl il-Baħar u ġuvni ta’ 16-il sena. Involuti fl-inċident kien hemm ukoll ġuvni Taljan ta’ 19-il sena residenti l-Mosta, ġuvni Taljan ta 16-il sena resideni l-Għargħur u tfajla Taljan ta’ 16-il sena residenti San Ġwann. Dawn kollha kienu passiġiera fin-Nissan Micra. Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanzi li ħaddu lin-nies kollha l-Isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika.

Aktar tard, il-mara ta’ 21 sena u tfajla ta’ 16-il sena ġew iċċertifikati li qed issofru minn ġrieħi gravi. L-irġiel ta’ 42 sena u 33 sena, il-mara ta’ 23 sena, it-tfajla ta’ 17-il sena u l-ġuvni ta’ 16-il sena kollha ġew iċċertifikati li qed issofru minn ġrieħi ħfief. Il-ġuvintur ta’ 19-il sena u 16-il sena, u t-tfajla ta’ 17-il sena ma sofrewx ġrieħi. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

More in Kronaka