Jinqatlu 40 immigrant f'attakk mill-ajru fuq ċentru ta' detenzjoni fi Tripli

Il-Gvern u l-forzi li qed jopponuh qed iwaħħlu f'xulxin għal dan l-attakk li ħalla wkoll 80 persuna mweġġgħa

Ritratt | The Guardian
Ritratt | The Guardian

Attakk f'ċentru ta' detenzjoni fi Tripli ħalla madwar 40 immigrant mejjet u dan skont informazzjoni uffiċjali mill-Gvern Libjan.

Apparti dawn, madwar 80 persuna oħra weġġgħu f'dan l-attakk.

Skont il-Gvern Libjan, l-attakk fuq dan iċ-ċentru ta' detenzjoni seħħ mill-ajru, meta ajruplani għaddew u waddbu l-bombi.

Intant, forzi kontra l-Gvern immexxija minn Gen Khalifa Haftar qed jakkużaw lill-Gvern għal dan l-attakk.

Jidher li l-maġġoranza ta' dawk li tilfu ħajjithom huma Afrikani li kienu qed jippruvaw jilħqu l-Ewropa billi jaqsmu bil-baħar mil-Libja.

Meta jkunu waslu biex jaħarbu, eluf ta' immigranti jitwaqqfu mill-Gvern u jinżammu f'dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni.

Għalfejn hemm il-ġlied fil-Libja?

Il-Libja ma ħaditx ruħ minn dak iż-żmien, lura fl-2011, meta forzi qamu u qatlu lid-dittatur Muammar Gaddafi.

Minn dakinhar, l-ebda awtorità ma kellha kontroll sħiħ fuq il-pajjiż, bil-Libja tispiċċa maqsuma bejn diversi fazzjonijiet politiċi u militari, bl-aktar tnejn importanti huma dawk immexxija mill-Prim Ministru Sarraj (li għandu l-appoġġ tal-Ġnus Magħquda) u Gen Haftar.

Il-Ġeneral Gen Haftar ilu attiv fil-politika Libjana għal għexieren ta' snin u kien persuna viċin ħafna Gadaffi sakemm kellu xi jgħid miegħu u fl-1980 spiċċa eżiljat fl-Istati Uniti

Huwa rritorna fil-Libja fl-2011, meta beda l-ġlied kontra Gaddafi minn fejn reġa' bena l-appoġġ u l-poter li kellu.

Hemm Libjani li ma jarawx għajn ma għajn miegħu minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu ma' Gadaffi u anke mal-Istati Uniti, iżda oħrajn ifaħruh għax kien hu li ħareġ lill-militanti Iżlamiċi minn Benghazi.

Gen Haftar beda offensiva kontra l-Gvern f'April li għadda.

More in Kronaka