Aġġornata | Erin Tanti jwieġeb ħati għall-qtil ta' Lisa Maria; Jintbagħat 20 sena ħabs

Wara ħames snin minn meta Lisa Maria Zahra nstabet bla ħajja taħt l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli, Erin Tanti jwieġeb ħati

Erin Tanti, l-għalliem ta' 28 sena li qed ikun akkużat li bil-qtil tal-istudenta tiegħu Lisa Maria Zahra, wieġeb ħati wara ħames snin minn meta seħħ il-każ.

Zahra, li kien għad għandha 15-il sena, kienet mietet f'dak li jidher bħala suwiċidju hekk kif kienet instabet bla ħajja taħt l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli.

Tanti, li dak iż-żmien kien qed joħroġ ma' Lisa Maria, it-tifla tal-lukandier Tony Zahra, kien salvat ukoll minn taħt l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli iżda minnufih kien mixli bil-qtil tagħha.

Huwa kien qed ikun akkużat bil-qtil tagħha, li għena tagħmel suwiċidju, li kien involut f'attivitajiet sesswali ma' persuna vunerabbli u ma' persuna taħt l-età u li hu kellu l-irwol li jipproteġi u anke li għamel u kien fil-pussess ta' ritratti ta' persuna minorenni.

Il-ġuri ta' Tanti kellu jibda llum quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, iżda l-akkużat ammetta ftit qabel kellu jibda s-smigħ.

Fis-sentenza tagħha, Scerri Herrera bagħtet lil Tanti 20 sena u sitt xhur ħabs filwaqt li ordnatlu jħallas l-ispejjeż tal-Qorti li jammontaw għal 22,000.

X'kien ġara eżatt?

Waqt il-kumpilazzjoni ta' evidenza kien ħareġ kif l-għalliem tad-drama kien f'relazzjoni ma' Lisa Maria li dak iż-żmien kienet għaddejja minn żmien diffiċli ta' dipressjoni tant li weġgħet lilha nnifisha diversi drabi.

Minkejja li kien l-għalliem tagħha, Tant daħal f'relazzjoni intima u sesswali ma' Zahra anke jekk ipprova jżomm dan mistur. 

Madanakollu, persuna li kienet taħdem fid-dar ta' Zahra kienet innutat il-karozza tal-akkużat quddiem ir-residenza, hekk kif Tanti kien qatta' lejl ma' Lisa Maria waqt li missierha kien imsiefer fuq xogħol.

Meta infurmatu li missierha kien jaf bir-relazzjoni, flok ipprova jikkalmaha għax kienet irrabbjata, Tanti qalilha li jekk se tikkonferma l-identità tiegħu mal-familja tagħha kien lest joqtol lilu nnifsu.

Kien hawn li hi bgħatitlu messaġġ biex twieġbu u tgħidlu li hi ma għandhiex għalfejn tibqa' tgħix jekk hu jikkommetti suwiċidju u għalhekk kellhom jagħmlu suwiċidju flimkien.

Fil-Qorti kien instema' kif Tanti qatt ma' seta' jniżżilha li nqabad jorqod ma' waħda mill-istudenti tiegħu u l-fatt li kien se jkun meqjus pedofelu kien se jfisser it-tmiem ta' xogħlu.

Lisa Maria Zahra
Lisa Maria Zahra

X'ġara fil-lejl ta' bejn it-18 u d-19 ta' Marzu?

Jidher li Tanti u Lisa Maria ppreparaw kollox bejn il-lejl tat-18 u s-19 ta' Marzu.

Tanti kien ġab diversi pakketti ta' aspirina u anke flixkun whiskey u kien ftiehem mal-vittma li kien se jgħaddi għaliha tard bil-lejl.

Fil-Qorti kien instema' wkoll kif Tanti ma kienx qal lil Lisa Maria li apparti l-aspirina u l-whisky, kien ħa miegħu €2,500, numru ta' ċekkijiet u l-passaport.

Ħadha Ħad-Dingli minn fejn Lisa Maria qabżet għal isfel.

Aktar tard nhar id-19 ta' Marzu, Tanti kien irnexxielu jiġbed l-attenzjoni ta' persuni li kienu miexja fuq l-irdum u li kienu ċemplu lis-servizzi ta' emerġenza.

Għall-kuntrarju ta' Zahra, Tanti ttella' mingħajr l-ebda ġrieħi minkejja li kien 13-il sular 'l isfel mit-tarf tal-irdum.

Tanti kien ingħata l-ħelsien mill-arrest u kompla jistudja

Tanti kien ingħata l-ħelsien mill-arrest nhar it-23 ta' Ġunju tal-2015 wara li ħallas €20,000 depositu u €50,000 garanzija personali bil-patt u l-kundizzjoni li jgħix ma' ommu u li joqgħod għall-kura tal-psikjatra Maria Axiaq.

Sadanittant, Tanti kien kompla jistudja l-Università ta' Malta u anke kien sab xogħol bħala aġent tal-proprjetà.

Priġunier li kien ma' Tanti fiċ-ċella jiżvela li ...

Intant, priġunier li għamel żmien jinżamm ma' Tanti fit-Taqsima tal-Kura Forensika tal-Isptar Monte Carmeli kien qal li darba l-akkużat kien qallu li hu u Lisa Maria mhux vera qabżu flimkien.

Kien qal li Tanti qallu wkoll li l-koppja ma setgħux jgħixu flimkien fil-ħajja ta' wara l-mewt għax hi kienet għadha minorenni.

Allega wkoll li Tanti stqarr miegħu li kien faddal biżżejjed flus biex jitlaq minn Malta u jmur jgħix xi mkien barra, possibbilment l-Irlanda.

Wara dan il-qtil, il-familja Zahra kienet fetħet il-Fondazzjoni Lisa Maria Zahra biex tipproteġi tfal vulnerabbli.

'Minn dejjem konnha nafu li dan kien każ ta' qtil'

Intant f'kummenti quddiem il-Qorti, il-familja tal-vittma saħqu li minn dejjem kienu jafu li dan kien każ ta' qtil.

"Fl-aħħar, illum nistgħu nitkellmu," saħqet il-familja fi stqarrija. "Lisa Marija nqatlet mill-istess persuna li kellha d-dmir li tieħu ħsiebha."

Huma saħqu li familja titlef wild hija l-agħar esperjenza li tista' tgħaddi minnha u hija aktar diffiċli jekk din isseħħ bħal sajjetta fil-bnazzi minħabba l-azzjoni ta' terzi persuni."

"Lisa Maria kienet tfajla sabiħa ta' 15-il sena li ħajjitha nsterqet bl-aktar modi krudili. Bħala familja aħna waqqafna l-Lisa Maria Foundation biex nonoraw it-tifkira tagħha u biex nippruvaw noħorġu xi ħaġa sabiħa minn din it-traġedja."

Saħqu li huma se jkomplu jaħdmu biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinu lil tfal vulnerabbli u jkomplu jassiguraw li jkun hemm sistema ta' bilanċi u kontrolli meta persuni jkunu qed jaħdmu mat-tfal.

More in Kronaka