TVM l-aktar segwit u Bay Radio bl-akbar għadd ta' semmiegħa

Stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir juri li l-aħbarijiet huma l-aktar popolari mal-Maltin

Rapport illi ħareġ propju illum mill-Awtorita' tax-Xandir juri li l-istazzjon nazzjonali TVM baqa’ l-aktar stazzjoni segwit f’Malta b’33.3% jew inkella 143,000 telespettatur. Dan kien segwit mill-istazzjon tal-Partit Laburista ONE b’18.4% jew 79,000 telespettatur u l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Net TV b’7.8% jew inkella 34,000 telespettatur.

L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir li sar f’Marzu ta’ din is-sena kkonkluda li, l-aktar programmi popolari mal-Maltin huma l-aħbarijiet lokali u internazzjonali b’20%. Drama lokali kien it-tieni l-aktar ġeneru popolari mas-segwaċi Maltin b’14.5%.  Filwaqt li programmi ta’ diskussjoni u affarijiet kurrent iklassifikaw fit-tielet post b’10.5%

Interessanti huwa kif skont l-istess rapport, l-istazzjonijiet lokali huma l-aktar popolari ma dawk li għandhom aktar minn 50 sena. Filwaqt li l-istazzjonijiet barranin huma l-aktar popolari ma dawk bejn il-31 u 50 sena b’40.4%.

Ir-rapport ikkonferma li t-televiżjoni jibqa’ popolari sew fuq il-gżejjer Maltin hekk kif mal-274,500 persuna jew 63.4% tal-popolazzjoni qalu li raw it-televiżjoni b’mod regolari fix-xahar ta’ Marzu. Dan jfisser tnaqqis ta’ 0.3% meta mqabbel ma’ statistika preċedenti. Fl-istess waqt, jidher li l-Maltin jqattgħu madwar sagħtejn fil-ġurnata jaraw it-televiżjoni.

Żieda żgħira għall-istazzjonijiet tar-radju lokali

Dwar ir-radju l-istħarriġ reġa’ kkonferma lil 89.7 Bay Radio bħala l-istazzjon tar-radju l-aktar segwit b’23% jew 60,000 semmiegħ. Dan kien segwit mill-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista One Radio b’ 15.8%jew 40,000 semmiegħ u Vibe FM bi 12.6% jew 32,000 semmiegħ.

Minkejja dawn in-numri,  jidher li finalment is-semmiegħa ta’ ONE Radio huma aktar leali hekk kif l-ammont ta’ ħin li dawn jqattgħu jsegwu l-programmi favoriti tagħhom kien l-kbar fost l-udjenza kollha b’24.9%. Dan kien segwit minn Bay Radio b’13.4% u Calypso Radio 13%

Ir-rapport jinnota li l-udjenza tar-radju kibret b’madwar 1.0% għal 242,500 persuna jew inkella 56.0% tal-popolazzjoni. Jidherukoll  li s-semmiegħa qattgħu medja ta’ 3 sigħat kuljum isegwu l-istazzjon tar-radju favorit tagħhom. Meta mqabbel ma’ statistika simili li saret f’Ottubru 2018 jidher li in-numri ta’ Marzu jirreġistraw żieda ta’ 12 il-minuti aktar.

More in Kronaka