Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Qtil doppju | Surġent jgħid li f'filmat l-akkużat jinstema' jindika lill-Pulizija fejn ħeba l-arma

Iz-ziju tal-akkużat iddeskrivih bħala raġel kwiet li ma trid tkellmu biex ikellmek

Yendrick Cioffi / 5 ta' Ġunju 2019 15:37
Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra r-raġel akkużat li qatel lil ommu u lil oħtu f’Ħal Għaxaq f’Marzu li għadda.

Tul is-smigħ tal-lum, xehdu diversi xhieda li rrakkontaw it-tfittxija għaż-żewġ vittmi u anke kif sabu l-mazza fil-faċilità tal-Wasteserv f’Ħal Far.

Qed ikun allegat li r-raġel uża din il-mazza biex jagħti d-daqqa mortali lil ommu u lil ħru wara li kien sparalhom.

Surġent tal-Pulizija mid-Dipartiment tal-Forensika qal li huwa ġibed filmat tat-tfittxijiet kollha li l-Pulizija għamlet fid-dar u anke fl-għalqa fejn instabu l-katavri.

Spjega kif l-akkużat kien preżenti u jinstema’ jindika lill-Pulizija fejn kien ħeba l-arma tad-delitt.

Hekk kif il-kumpilazzjoni waslet fit-tmiemha, xehed ukoll iz-ziju tal-akkużat li spjega kif sar jaf bl-aħbar minn fuq l-aħbarijiet u mar jiġri Ħal Għaxaq jipprova jsib lill-akkużat.

Qal li ħabbat mal-bieb tad-dar tiegħu u meta ma wieġbu ħadd poġġielu biċċa karta mal-karozza biex iċempillu.

“It-telefonata qatt ma waslet,” saħaq ix-xhud. “Nafu bħala tifel sew. Biex jitkellem trid tkellmu. Kwiet ħafna.”

L-Ispettur Charlo Casha, mid-Dipartiment tal-Forensika wkoll qal li kien preżenti waqt l-interrogazzjoni meta l-akkużat ammetta li kien hu li qatel lil Maria Lourdes u lil Angele Bonnici.

Fakkar li kien hu li ħa lill-Pulizija fl-għalqa u indika fejn kien ħeba l-katavri.

Il-każ se jkun qed ikompli fis-17 ta’ Ġunju fejn se jixhdu l-esperti mediċi Ali Safraz u Marie Therese Camilleri Podesta.

Intant, id-Difiża infurmat lill-Qorti li l-akkużat ma għadux qed inżamm fl-Isptar Monte Carmeli u qed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn ma għadux qed ikun segwit minn professjonisti mediċi.

Il-Qorti ordnat lid-Direttur tal-Ħabs biex jassigura li l-akkużat jingħata l-kura kollha neċessarja.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook