Qorti | Kienet tagħmel stanga mal-bieb sforz il-biża' li kienet tgħix fih

Fil-Qorti pulizija jixhdu kif l-akkużat uriehom fejn kienu l-mejtin iżda hu ma xtaqx imur ħdejhom għax kienet 'xena kerha'

Il-Qorti llum semgħet kif Marija Lourdes, l-omm maqtula u li nstabet mejta ħdejn bintha f'għalqa l-Gudja, kienet tgħix fil-biża' tant li kienet qed tuża stanga mal-bieb ta' barra qabel inqatlet, sabiex tħossha iktar sigura. 

Meta kienu qed jixhdu illum fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Joseph Bonnici, uffiċjali tal-Pulizija qalu illi l-akkużat kien stqarr illi ommu kienet qed tgħix fil-biża'. Minkejja dan, meta mistoqsi, ma kienx qal minn xhiex kienet qed tibża. 

Fix-xhieda tal-lum irriżulta wkoll illi fid-dar, meta saret tfittxija mill-pulziija, instabet tazza nofsha mimlija bil-kafè u l-laptop qiegħed imqabbad mal-elettriku biex isirlu charge, affarijiet li juru illi l-vittmi kienu fid-dar sa ftit ħin qabel inqatlu.  

Intqal ukoll li meta l-akkużat kien mal-pulizija u waslu fuq il-post fejn kienu jinsabu l-mejtin qalilhom biex imorru huma u li hu ma kienx sejjer magħhom għax ix-xena kienet pjuttost kerha.

Uffiċjal ieħor qal illi meta l-akkużat waqa' taħt il-kustodja tal-uffiċjali tal-ħabs hu qal hekk; "issa irrid nerġa nibda kollox mill-bidu. Ma nista' nagħmel, la l-moħħ hekk ħadem."

More in Kronaka