Għaddej ir-restawr fuq il-Knisja ta’ San Filippu fl-Isla

Dan ix-xogħol qed isir b’investiment ta’ €115,000 u huwa mistenni li jitlesta sa Ġunj

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li attwalment qegħdin iseħħu fuq il-Knisja tal-Madonna ta’ Porto Salvo, magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta’ San Filippu, fl-Isla.

“B’dan ir-restawr immexxi mid-Direttorat tar-Restawr, qegħdin insaħħu l-wirt lokali tagħna għall-benefiċċju tal-komunità. Din il-knisja hija simbolu tal-identità nazzjonali tagħna u bħala Gvern aħna impenjati biex inkomplu nżidu l-aċċessibbiltà fis-settur, bħala parti mill-istrateġija kulturali tagħna,” stqarr il-Ministru Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.

Ir-restawr jinkludi tliet aspetti primarji fil-knisja; li huma r-restawr tal-koppla u ċ-ċilindru tagħha, it-tibdil ta’ aperturi deterjorati u waterproofing, ir-restawr intern u estern tal-lanterna li tinsab fuq il-koppla u l-aperturi tagħha, u r-restawr estern u tisħiħ strutturali tal-kampnar tal-knisja.

Bħalissa għaddej il-proċess tat-tindif tal-ġebla u t-tikħil, li se jwassal għall-preparazzjoni biex jinbdew ix-xogħlijiet strutturali f’partijiet oħra, li jinkludu t-tneħħija taċ-ċintorin tal-metall imsaddad madwar il-kampnar, it-tibdil ta’ ġebel deterjorat ħafna fil-lanterna, u t-tiswija tar-ring beam tal-concrete madwar il-koppla. Qegħdin ukoll jiġu ffinalizzati d-disinni għat-twieqi l-ġodda li se jkunu jifilħu għat-temp u huma aktar b’saħħithom minn ta’ qabilhom.

Ix-xogħlijiet jinkludu t-tneħħija u l-għotja ta’ numri lil ġebel mhux stabbli biex imbagħad jitqiegħdu fil-post oriġinali tagħhom, biex il-kampnar jiġi restawrat għall-estetika oriġinali tiegħu, injezzjoni b’taħlita ta’ ġir, tikħil u t-tneħħija ta’ qoxra sewdinija.

Il-knisja oriġinarjament inbniet fl-1596, ġiet imwaqqa’ fl-1670 u reġgħet inbniet wara b’kunvent magħha. Fi żmien l-epidemija tal-kolera, f’Ġunju 1837, il-kunvent u l-knisja servew ta’ sptarijiet. Il-knisja serviet ukoll bħala l-Knisja Parrokjali tal-Isla, sakemm din tal-aħħar reġgħet inbniet, wara li ġġarfet fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Dan ix-xogħol qed isir b’investiment ta’ €115,000 u huwa mistenni li jitlesta sa Ġunju li ġej.

More in Kronaka