Eluf ta' żraben, toothpastes, shampoos u blalen foloz misjuba mid-Dwana

Skont id-Dwana, uħud minn dawn l-oġġetti huma ta’ periklu għas-saħħa

Fl-aħħar ġimgħat apparti sitt kontejners li kienu qed iġorru moħbija 400 kilo kokaina, id-Dwana interċettat erba’ kontejners oħra li kienu qed iġorru eluf ta’ oġġetti tal-kuntrabandu (foloz)

Fost dawn:

  • mill-ewwel kontejner ġew elevati 19,484 par żarbun sportiv falz;
  • fit-tieni kontejner instabu 24,912-il tubu tat-toothpaste, 23,184 flixkun roll-on deodorant u 35,784-il flixkun ta’ tonic tax-xahar, kollha;
  • mit-tielet kontejner ġew ikkonfiskati 94,668 kontenitur bix-shampoo falz;
  • fir-raba’ kontejner instabu 7,476 ballun tal-futbol falz.

Din il-ħidma kienet koordinata bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, fosthom il-Container Monitoring Unit, l-Intellectual Property Rights Unit u l-iScanning Team.

L-oġġetti kollha maqbuda, li skont id-Dwana, uħud minnhom huma wkoll ta’ periklu għas-saħħa, irriżulta li huma kollha kontrafatti wara li rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji right holders rispettivi, li huma propjetarji tal-marki reġistrati (trademarks), ikkonfermaw l-illegalità ta’ dawn il-konsenji, u kkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni id-dritt tal-propjeta’ intellettwali.

Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpaniji kontraventriċi f’kull każ.

More in Kronaka