Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Tliet persuni arrestati wara sejba ta' droga, flus foloz u arma tan-nar

Ġuvni ta' 29 sena se jkun akkużat ukoll li kkaġuna feriti gravi fuq terzi persuni

Yendrick Cioffi / 15 ta' Marzu 2019 14:17
Fl-aħħar sigħat il-Pulizija wettqu aktar rejds f’residenzi fil-Madliena u San Pawl il-Baħar u arrestaw tliet persuni, tfajla ta’ 30 sena minn Bormla u żewġt irġiel, wieħed ta’ 66 sena bla residenza fissa u żagħżugħ ta’ 29 sena mill-Qawra.

Wara tfittxijiet li saru, instab ammont tad-droga kannabis u kokaina, diversi mwieżen elettroniċi u affarijiet oħra użati fit-traffikar tal-istess droga. Instabu wkoll karti ta’ ewro foloz, arma tan-nar mhux liċenzjata u munizjon.

Mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija f’dawk l-aħħar xhur jirriżulta li ż-żagħżugħ ta’ 29 sena, kien il-moħħ wara t-traffikar tad-droga eroina u kokaina, li kien qed isir fil-lokalitajiet fejn saru r-rejds mill-Pulizija.

Ir-raġel ta’ 66 sena u t-tfajla ta’ 30 se jitressqu b’arrest illum akkużati li qiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni flus iffalsifikati u assoċjaw ruħhom mat-terzi persuni biex jilħqu dan l-iskop.

Il-ġuvni se jitressaq akkużat bit-traffikar u pussess tad-droga, li kkaġuna feriti gravi fuq terzi persuni, li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar bla liċenzja maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija u anke bl-involviment fiċ-ċirkolazzjoni ta’ flus foloz u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook