Qtil Daphne | Il-bomba kienet attivata b'kuntatt bejn Nokia 105 u apparat b'GPS

Fis-seduta tal-lum xehed l-espert tal-IT Martin Bajada.. jispjega kif kien sab xi ħaġa allarmanti

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Fis-seduta tal-lum xehed l-espert tal-IT Martin Bajada. L-avukati tad-difiża kienu saħqu li Bajada m'għandux jitħalla jagħti x-xhieda tiegħu dan minħabba li hu kien instab ħati ta’ serq u frodi fl-1993. Din it-talba ma kinitx ġiet aċċettata mill-Qorti.

Fix-xhieda tiegħu Bajada spjega kif huwa kien ġie mqabbad janalizza t-telefonati, il-blog u d-dejta tal-IT u imbagħad jgħaddiha lill-Europol.

Bajada sostna li hu analizza wkoll il-filmati tas-CCTV minn postijiet fil-Bidnija, il-Mosta u Tas-Sliema, flimkien ma’ numru ta’ telefonati li saru lil emerġenza fuq in-numru 112, fil-ġurnata li fiha nqatlet Caruana Galizia.

 Bajada ħares ukoll lejn SMS’s, telefonati u messaġġi fuq  Whatsapp.

L-avukat ta’ Alfred Degiorgio William Cuschieri staqsa lil Bajada kif hu kiseb l-informazzjoni dwar l-messaġġi li ntbagħtu.

Bajada spjega kif  hu kien talab lill-maġistrat għal permess u li d-data kienet ġiet mgħoddija lilu mill-Pulizija.

“Jien qatt ma kelli komunikazzjoni diretta mal-FBI ħlief f'żewġ okkażjonijiet, darba fil-preżenza tal-Maġistrat u darba fil-preżenza tal-Pulizija”

Bajada kompla jitkellem dwar l-apparat tat-telekomunikazzjon. Jidher li wara li analiżża t-telefonati u l-apparat involut, huwa sab xi ħaġa "allarmanti" minħabba li wieħed mill-apparat ma kienx telefon, imma riċevitur tal-GPS.

L-espert tal-IT żied jgħid li skont in-numru tal-IMEI tal-mowbjal, huwa seta’ jiddetermina li l-mudell kien Nokia 105.

Il-każ ikompli fit-12 ta' April li ġej.

More in Kronaka