Kmieni dalgħodu raġel twaqqaf mill-Uffiċjali tad-Dwana wara li nqabad ħiereġ minn Malta b’aktar minn €26,000 fi flus kontanti.
Kien Peter, wieħed mill-klieb tad-Dwana li indika li r-raġel, li kien se jħalli Malta għat-Tuneżija, seta’ kien qed iġorr ammont kbir ta’ flus.
Meta mistoqsi, ir-raġel Libjan qal li kellu fuqu €9,000 iżda minħabba r-reazzjoni tal-kelb, saret tfittxija u rriżulta li raġel kellu €11,000 oħra u €15,000 moħbija fil-qalziet ta’ taħt.
Ir-raġel ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti llum.
Skont il-liġi, il-passiġġiera jistgħu jieħdu flus magħhom kemm iridu, iżda jekk l-ammont ikun jaqbeż l-€10,000 huma obbligati li jiddikjarawhom
Din hija miżura tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tiġġieled il-ħasil tal-flus.